Il-Kollettiv flimkien ma’ Residenti taż-Żurrieq ressqu kawża ġudizzjarja kontra l-Ministru responsabbli mill-Ippjanar u l-Avukat Ġenerali, wara l-approvazzjoni ta’ applikazzjoni li tbiddel ir-riżonament ta’ 11,500 metru kwadru ta’ art agrikola fin-Nigret, iż-Żurrieq, għal skop ta’ żvilupp residenzjali.
L-applikazzjoni kontroversjali, ippreżentata mid-developer James Barbara u ffirmata mill-eks Ministru tal-Ippjanar tal-PN George Pullicino, għandha l-għan li l-hekk imsejħa “żona ta’ raġjonalizzazzjoni” tinbidel fi żona li tista’ tiġi mibnija bi djar.
Il-proġett sab oppożizzjoni qawwija mingħand ir-residenti u bdiewa tal-lokalità sa mill-2023, meta ġie ppreżentat. Il-komunità taż-Żurrieq ilha tinsisti li l-ispazji miftuħa u l-benesseri tal-inħawi qed jiġu sistematikament mhedda.
B’reazzjoni għal dan, iż-żewġ gruppi niedu kampanja ta’ crowdfunding sabiex jiġbru l-fondi meħtieġa għal l-ispejjeż legali. Il-fondi nġabru fi żmien rekord, u issa nfetħet kawża formali fil-Qorti.
“Ir-residenti u l-bdiewa tkellmu ċar dwar in-Nigret, kif qed jitkellmu wkoll dwar tal-Bebbux,” qal is-Segretarju taIl-Kollettiv Wayne Flask. “Kif wegħdna sentejn ilu, flimkien ma’ Residenti taż-Żurrieq, se nkomplu nikkontestaw dan l-iżvilupp b’kull mezz possibbli. Iżda l-problema tmur lil hinn minn applikazzjoni waħda – il-pjanijiet lokali għandhom bżonn jinbidlu b’mod urġenti.”
Flask saħaq li l-Pjanijiet Lokali eżistenti huma skaduti u miktuba b’mod li jiffaċilitaw l-ispekulazzjoni, aktar milli jipproteġu l-ambjent u l-komunitajiet.
“Mhux ta’ b’xejn li l-awtur ta’ dawn il-pjanijiet illum qed jippreżenta applikazzjonijiet bħal din,” żied jgħid.
Matthew Borg, f’isem Residenti taż-Żurrieq, qal li Nigret mhijiex każ iżolat. “Qed naraw numru ta’ applikazzjonijiet oħra fin Nigret u anke f’żoni oħra taż-Żurrieq. L-istess pjanijiet li kienu miktuba 20 sena ilu qed jagħmlu ħsara diretta lill-komunità tagħna,” qal Borg.
“Imma s-sodisfazzjon tagħna hu li r-residenti qed jingħaqdu aktar minn qatt qabel – attendew il-laqgħat, taw is-sehem tagħhom, u jafu li qed jiddefendu l-ġejjieni tagħhom.”
Il-gruppi rringrazzjaw ukoll lill-familja Schembri, li għażlu li jagħtu parti mid-donazzjonijiet miġbura waqt il-funeral ta’ Andrew Schembri – ġest li ddeskrivew bħala “sinjal sabiħ ta’ solidarjetà u tama.”
Fl-istess waqt, il-gruppi bagħtu ittra lill-Ministru ġdid tal-Artijiet Owen Bonnici biex jiltaqgħu miegħu dwar każ simili f’tal-Bebbux, Żurrieq, fejn applikazzjoni oħra għall-iżvilupp tinkludi triq fuq art agrikola li bħalissa tintuża minn żewġ bdiewa attivi.
“Għad hemm soluzzjoni possibbli, iżda kollox jiddependi mill-volontà tal-Gvern biex jidħol f’djalogu sinċier u kostruttiv,” qalu l-attivisti.