Raymond Caruana: il-qtil fil-każin tal-Gudja

Raymond Caruana kellu 26 sena meta nqatel waqt li kien fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Gudja fl-1986. Kważi erbgħin sena wara, ħadd għadu ma ġie kkundannat għall-qtil tiegħu, f’każ li baqa’ marbut ma’ wieħed mill-aktar perjodi politiċi tensi fl-istorja riċenti ta’ Malta

Raymond Caruana kellu 26 sena meta nqatel waqt li kien fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Gudja, fil-5 ta’ Diċembru tal-1986, f’każ li baqa’ marbut ma’ wieħed mill-aktar perjodi ta’ tensjoni politika fl-istorja ta’ Malta. 

Dik il-lejla, fil-każin tal-PN fil-Gudja kien sar riċeviment. Caruana ma kienx attenda għar-riċeviment innifsu iżda mar fil-każin aktar tard, fejn kien hemm ma’ grupp ta’ ħbieb u partitarji. 

Huma kienu f’kamra fuq quddiem tal-każin, fil-livell tat-triq. Il-kamra kienet mixgħula u minn barra seta’ jidher li kien hemm nies ġewwa, filwaqt li l-bieb prinċipali tal-każin kien miftuħ.  

Għall-ħabta tal-11pm, vettura għaddiet minn quddiem il-każin u minnha ġew sparati 13-il tir. Wieħed mill-balal laqat lil Caruana f’wiċċu huwa miet kważi immedjatament. L-isparaturi saru permezz ta’ Sterling submachine gun.  

Malli bdew it-tiri, dawk li kienu fil-kamra tferrxu biex jistkennu. Uħud telgħu lejn it-taraġ, oħrajn niżlu mal-art, filwaqt li wieħed minn dawk preżenti tefa d-dawl minħabba l-biża’ li setgħu jiġu sparati aktar tiri minn barra. 

Caruana tbaxxa biex jevita t-tiri u, hekk kif ipprova jerġa’ jqum, intlaqat. Meta reġa’ nxtegħel id-dawl, sħabu sabuh mal-art.  

Ġimgħa ta’ vjolenza politika 

Il-qtil ta’ Caruana ma kienx każ iżolat mill-klima politika ta’ dak iż-żmien. 

Fit-30 ta’ Novembru tal-1986, il-Partit Nazzjonalista kien ippjana mass meeting fiż-Żejtun. Il-Pulizija kienet irtirat permess li kienet diġà ħarġet, iżda l-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat id-dritt tal-partit li jorganizza l-attività. Dakinhar, toroq lejn iż-Żejtun ġew imblukkati u faqqgħu konfronti bejn partitarji politiċi, waqt li membri tal-Ispecial Mobile Unit użaw tear gas u rubber bullets. Numru ta’ persuni sfaw midruba.  

Matul dawk l-inċidenti ġew sparati wkoll tiri, li aktar tard ġew marbuta ma’ Sterling submachine gun.  

L-għada, l-1 ta’ Diċembru, grupp ta’ partitarji Laburisti fi triqithom lejn iż-Żejtun għaddew minn quddiem il-każin tal-PN f’Ħal Tarxien, li dak il-ħin kien magħluq, u ġew sparati tiri lejn il-bieb tiegħu. L-investigazzjoni stabbiliet li anke dawk it-tiri kienu saru permezz ta’ Sterling submachine gun.  

Erbat ijiem wara nqatel Raymond Caruana, l-investigaturi kkonkludew li l-istess arma kienet intużat fl-isparaturi ta’ Ħal Tarxien u fil-qtil ta’ Caruana; rapporti dwar il-każ jgħaqqduha wkoll mal-isparaturi waqt l-inċidenti ta’ Tal-Barrani.  

L-arma tinstab f’razzett f’Ħal Safi 

Sitt ijiem wara l-qtil, fil-11 ta’ Diċembru, l-investigazzjoni ħadet żvolta oħra. 

Il-Pulizija għamlet tfittxija f’razzett f’Ħal Safi ta’ Pietru Pawl Busuttil, bidwi u sostenitur tal-Partit Nazzjonalista. Hemmhekk qalet li sabet l-arma li ntużat biex inqatel Caruana. 

Busuttil ċaħad li kellu xi għarfien dwar l-arma. Huwa aktar tard irrakkonta li meta wasal fir-razzett mal-Pulizija mill-ewwel intebaħ li l-post ma kienx kif kien ħallieh, u sostna li l-Pulizija dehret li kienet taf fejn għandha tfittex.  

Busuttil ittieħed il-Qorti biex jiffaċċja akkużi marbuta mal-qtil iżda kkollassa u kellu jittieħed l-isptar.   

Il-Kap tal-PN ta’ dak iż-żmien, Eddie Fenech Adami, mill-ewwel iddikjara li Busuttil kien vittma ta’ frame-up. 

Eventwalment, il-qrati kkonfermaw li hekk kien. 

Busuttil ġie meħlus minn kull akkuża u l-qrati sabu li kien ġie inkwadrat mill-Pulizija, bl-arma tkun tpoġġiet fil-proprjetà tiegħu. Aktar tard ingħata Lm40,000, madwar €93,000, f’danni.  

Biża’ għal ħajjet Busuttil 

Snin wara, Guido de Marco, li kien l-avukat ta’ Busuttil, kiteb fl-awtobijografija tiegħu li, hekk kif bdew joħorġu provi li kienu qed jikxfu l-frame-up, kien ingħata x’jifhem li ħajjet Busuttil setgħet tkun fil-periklu. 

De Marco qal li kien hemm il-biża’ li xi ħadd seta’ jipprova jitfa’ lil Busuttil minn tieqa u jagħmel il-mewt tidher bħala suwiċidju. Huwa għalhekk mar iwissih l-isptar. Skont ir-rakkont tiegħu, dakinhar stess daħlu xi pulizija fil-kamra ta’ Busuttil, li beda jgħajjat biex jiġbed l-attenzjoni. De Marco ma ppreżentax dan bħala prova li attentat ta’ qtil fil-fatt seħħ, iżda bħala biża’ serju li kellu dak iż-żmien.  

Min qatel lil Raymond Caruana? 

Il-każ kompla jiżviluppa fis-snin ta’ wara. 

Fl-1997, Ġanni Psaila xehed fil-Qorti u għamel allegazzjonijiet dwar min kien spara fuq il-każin ta’ Ħal Tarxien. Il-persuna li semma ċaħdet l-allegazzjoni. Psaila miet aktar tard dik is-sena.  

Għalkemm il-qtil ta’ Caruana huwa deskritt f’rapporti Maltin bħala qtil politiku, u seħħ fil-kuntest ta’ ġimgħa ta’ vjolenza u konfront politiku, ħadd għadu ma ġie kkundannat għall-omiċidju tiegħu.  

Kważi erbgħin sena wara, il-mistoqsija ċentrali għalhekk għadha bla tweġiba: min spara t-tiri li qatlu lil Raymond Caruana? 

Raymond Caruana, raġel ta’ 26 sena , inqatel fil-5 ta’ Diċembru tal-1986 — omiċidju li għadu jissemma sal-lum il-ġurnata. 

 

More in Socjali