Adrian Delia jissottometti l-applikazzjoni tiegħu uffiċjalment għall-kariga tal-Kap tal-PN

L-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista issa qiegħda bejn Adrian Delia u Alex Borg

Adrian Delia jitkellem mal-ġurnalisti hekk kif wasal id-Dar Ċentrali sabiex jissottometti ismu għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-PN
Adrian Delia jitkellem mal-ġurnalisti hekk kif wasal id-Dar Ċentrali sabiex jissottometti ismu għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-PN

Adrian Delia jsir l-ewwel deputat Nazzjonalista li kkontesta għall-irwol tal-Kap tal-Partit għat-tielet darba infila billi ssottometa ismu fit-tellieqa għall-irwol tal-Kap nhar is-Sibt filgħodu. Jekk Delia jirbaħ, ikun l-uniku deputat li reġa' nħatar għal din il-kariga wara li niżel.

Delia kien elett mall-ewwel darba tiegħu fl-2017 meta, bħala kandidat minn barra l-istabbiliment tal-partit, għeleb lil Chris Said. Tliet snin wara tneħħa minħabba rewwixta interna u tilef f’konfront dirett mal-kandidat l-ieħor minn barra, Bernard Grech.

Kien l-ewwel wieħed li ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta, aktar kmieni din il-ġimgħa, iżda ħarġu spekulazzjonijiet li seta’ jirtira mill-ġirja wara li l-MP Għawdxi Alex Borg applika formalment għall-kariga. 

Kien hemm min beda jallegga li l-ħbieberija bejn Borg u Delia tmermret hekk kif numru t' esponenti Nazzjonalisti viċin ta' Delia għamluha ċara li ma jaqblux mad-deċiżjoni ta' Borg li jikkontesta kontra Delia, u użaw l-kliem "giddieb" u "tradittur" hekk kif skont l-istess nies kien hemm ftehim bejn Delia u Borg li l-deputat Għawdxi ma jikkontestax imma jagħti l-appoġġ tiegħu lil Delia.

Madanakollu Iż-żewġ kandidati kienu wrew li lesti li jaħdmu flimkien qabel.

Delia daħal fil-kwartieri tal-PN għall-ħabta tal-10:15 ta’ filgħodu nhar is-Sibt, ftit sigħat wara li ppubblika ritratt tal-ewwel president iswed tal-Afrika t’Isfel, Nelson Mandela, fuq Facebook b’messaġġ li qal: “Dejjem tidher impossibbli sakemm tagħmilha.”

S’issa, it-tiġrija għat-tmexxija tal-PN tidher li qiegħda  bejn Delia u Borg, iżda dawk interessati għandhom sa nhar il-Ħadd fis-2pm sabiex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom. Għadu mhuwiex ċar jekk l-eks MP Franco Debono hux se jikkontesta, minkejja li wera interess ċar f’dawn l-aħħar ġimgħat.

L-elezzjoni għall-kariga ta’ kap bdiet wara r-riżenja ta’ Bernard Grech aktar kmieni dan ix-xahar, wara stħarriġ tal-gazzetta oħt, MaltaToday li wera lill-PN b’distakk ta’ 29,000 vot wara l-PL, u b’rata baxxa ħafna ta’ fiduċja personali fil-kap.

More in Politika