Il-Malta Women's Lobby esprima dieqa u rabja għall-qtil ta' mara oħra- vittma ta' vjolenza domestika u qal illi l-awtoritajiet għandhom jieħdu azzjoni immedjata u effettiva sabiex "jipprevjenu, jipproteġu u jieħdu azzjoni kontra każi ta' vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika."
Filwaqt li sostnew li wasal iż-żmien li Malta timplimenta l-Konvenzjoni ta' Istanbul b'mod effettiv, il-Lobby sostna wkoll li hemm bżonn illi tkun indirizzata darba għal dejjem il-lista twila ħafna ta' każi ta' vjolenza domestika u vjolenza kontra n-nisa li qed jistennew biex jinstemgħu quddiem il-Qorti. "Hemm bżonn aktar Maġistrati li jaħdmu b'mod esklussiv fuq każi ta' vjolenza kontra n-nisa, bħalissa Maġistrat wieħed biss hemm li huwa inaċettabbli!"
Il-Malta Women's Lobby kompla jisħaq illi l-Gvern jeħtieġ ukoll illi jagħti aktar fondi lill-Aġenzija Appoġġ u lil servizzi li jitrattaw każi ta' vjolenza domestika ħalli aktar impjegati jkunu jistgħu jassistu nisa li jispiċċaw vittmi ta' vjolenza.
"Jekk dan ma jsirx l-Istat u l-istituzzjonijiet jkunu qed ikomplu jfallu lin-nisa tagħna," temmet tgħid l-istqarrija,
Huma kien qed jirreaġixxu għall-konferenza li saret aktar kmieni llum mill-Ministru Byron Camilleri, li ta aktar dettalji dwar il-każ ta' qtil li seħħ dalgħodu f'Kordin. Jidher - minn dak li żvela l-istess Ministru - illi f'Awwissu li għadda, Bernice Cassar għamlet rikors quddiem il-Qorti li ħarġet ordni ta' protezzjoni fil-konfront tagħha. Jirriżulta wkoll li f'Mejju li għadda l-Pulizija kienu ħarġu l-akkużi kontra l-aggressur iżda l-każ kellu jibda jinstema' fil-Qrati f'Novembru tas-sena d-dieħla - sena u nofs wara li kienu ħarġu l-akkużi.
Dan hu t-tielet każ ta’ femiċidju din is-sena.
'Min se jġorr ir-responsabilità?' - Partit Nazzjonalista
Intant fi stqarrija ffirmata mid-Deputati Nazzjonalisti Graziella Attard Previ u Claudette Buttiegieg, kien mistoqsi min se jkun qed iġorr ir-responsabilità għall-fatt illi minkejja li mara "karbet" għall-għajnuna u għall-protezzjoni sabet min jinjoraha. "Min se jsabbar lil uliedha u lill-familja tagħha quddiem il-gravità ta’ din l-inġustizzja tremenda?" staqsew.
Fi stqarrija huma qalu li l-liġijiet biss mhux biżżejjed u akkużaw lill-Gvern illi "ma jridx jaċċetta li għandna kriżijiet soċjali kbar. Jimpurtah biss li jgħaddi messaġġ li kollox sabiħ u li mexjin fuq ir-rubini, imma din realtà falza li ħafna nies mhux qed jgħixuha."
Attard Previ u Buttigieg akkużaw lill-Gvern li huwa arroganti u qalu li l-inkjesta li ħabbar l-istess Gvern għandha tistabbilixxi fejn huma n-nuqqasijiet, fejn qed tfalli s-sistema u x’għandu jinbidel biex ma jibqax ikollna każijiet traġiċi bhal dak li seħħ illum.