Malta se tneħħi l-iskema tal-passaporti tad-deheb
Il-Gvern ħa jneħħi l-elementi transazzjonali kollha mill-proċess ta' naturalizzazzjoni

More in Politika
Il-Gvern ħa jneħħi l-elementi transazzjonali kollha mill-proċess ta' naturalizzazzjoni
Malta se tneħħi kompletament l-iskema tal-passaporti tad-deheb filwaqt li tespandi l-kundizzjonijiet biex wieħed jikseb iċ-ċittadinanza Maltija permezz ta’ servizzi u kontributi eċċezzjonali.
Il-bidliet qed isiru wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li sabet li ċ-ċittadinanza b’investiment ta’ Malta kienet tikser il-liġi tal-UE u kienet tfisser "il-kummerċjalizzazzjoni tal-għoti ta’ ċittadinanza minn stat membru."
Matul konferenza tal-aħbarijiet nhar l-Erbgħa, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega li l-gvern ħa jelimina kompletament l-elementi transazzjonali mill-proċess ta’ naturalizzazzjoni. Dan jindirizza t-tħassib espress mill-Qorti tal-UE dwar il-programm preċedenti ta’ Malta.
L-emendi legali għandhom l-għan li jsaħħu l-liġijiet eżistenti relatati maċ-ċittadinanza permezz tal-mertu – kunċett introdott għall-ewwel darba fl-2017. L-emendi jagħtu l-possibbiltà lill-gvern jagħti ċ-ċittadinanza lil individwi li jagħtu servizzi jew kontributi eċċezzjonali lil Malta jew lill-umanità, inkluż permezz tal-ħolqien tax-xogħolijiet.
Intqal li dawn is-servizzi eċċezzjonali marbuta mal-ħolqien tax-xogħolijiet għandhom ikunu konformi mal-Vision 2050.
Skont il-bidliet proposti, “servizzi jew kontributi eċċezzjonali” jirreferu għal dawk magħmula minn “xjenzati, riċerkaturi, atleti, sportivi, artisti, interpreti kulturali, imprendituri, filantropi u teknoloġisti, fost oħrajn ta’ interess…”
Il-proċess biex tinkiseb iċ-ċittadinanza bil-mertu, li diġà huwa rregolat minn Avviż Legali li se jkun emendat biex ikun konsistenti mal-Att il-ġdid, jibda b’talba li tintbagħat lil Aġenzija Komunità.
L-emendi għandhom ukoll l-għan li jsaħħu l-proċess ta’ due diligence qabel il-naturalizzazzjoni. Bord eżistenti jagħmel valutazzjoni u jagħti rakkomandazzjoni lill-Ministru, li jieħu d-deċiżjoni finali.
Mhux ħa jkunx hemm ammont fiss ta’ flus li wieħed għandu jħallas biex jikseb iċ-ċittadinanza Maltija. Minflok, l-applikanti jkollhom jippreżentaw proposta li turi x’kontribut jew servizz eċċezzjonali qed jagħtu jew qed jippjanaw li jagħtu lil Malta.
Fir-rigward tal-applikazzjonijiet preċedenti, kwalunkwe ċittadinanza miksuba taħt l-iskema li ġiet ikkanċellata tibqa’ valida u se tibqa’ rregolata mir-regoli l-qodma. Madankollu, dawk l-applikazzjonijiet li għadhom pendenti taħt is-sistema preċedenti mhux ħa jiġu pproċessati.