'Il-Gvern kien diġà beda bil-proċess biex ikun hemm Maġistrat ieħor li tisma' l-każi ta' vjolenza domestika'

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard jirrikonoxxi r-rabja li hawn fuq qtil ta' mara oħra iżda jgħid li l-Gvern se jkun qed iżid Maġistrat u awla għall-Qorti tal-Familja filwaqt li jiċċara li ladarba ħarġet Ordni ta' Protezzjoni l-każ ta' Cassar kien diġà beda jinstema' 

Il-Ministru Jonathan Attard
Il-Ministru Jonathan Attard

Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard f'kummenti mas-sit illum.com.mt, filwaqt li rrikonoxxa li hawn rabja fuq qtil li seħħ dalgħodu u ħalla mara mejta, qal ukoll illi l-Gvern qiegħed fil-proċess illi jdaħħal it-tieni Maġistrat li tkun qed taħdem fuq każi ta' vjolenza domestika. Huwa fakkar li dan diġà kien mwiegħed li ser isir fil-bidu tas-Sena Forensi u huwa pass li se jsir sabiex inaqqas mil-lista twila ta' każi ta' vjolenza domestika li qed jistennew biex jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Familja. Dan qalu fid-dawl ta' kritika li saret mill-Malta Women's Lobby aktar kmieni illum u anke mistoqsijiet mid-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco fil-Parlament. 

Attard qal ukoll li l-Gvern qed jaħdem sabiex jiftaħ awla oħra fil-Qorti tal-Familja sabiex b'hekk ikun hemm ukoll post fejn jinstemgħu aktar każi. 

Huwa kien qed jirreaġixxi għall-kritika tal-Malta Women's Lobby wara l-qtil ta' Bernice Cassar dalgħodu f'Raħal Ġdid. Il-Malta Women's Lobby sostna illi huwa inaċettabbli li hemm Maġistrat wieħed biss li jisma' każi relatati mal-vjolenza domestika, xi ħaġa li tfakkar illi qed iwassal għal tul ta' żmien biex il-każi jibdew jinstemgħu. Dan qaluh fid-dawl tal-fatt li l-akkużat - ir-raġel li huwa mifhum li qatel lil Cassar - kienu ħarġu l-akkużi kontrih b'rabta ma' vjolenza domestika f'Mejju li għadda, bl-akkużat iżda ppjanat li jitressaq il-Qorti f'Novembru tas-sena d-dieħla. Kien il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri li fil-fatt żvela dan, aktar kmieni llum. 

Filwaqt li l-Ministru Attard iċċara li dan id-dewmien mhuwiex aċċettabbli huwa ċċara wkoll li għall-korrettezza legali wieħed irid jgħid illi l-każ teknikament beda jinstema' għaliex il-Qorti ħarġet ordni ta' protezzjoni favur il-vittma. Attard reġa' sostna li ma jrid inaqqas xejn mill-kruha ta' dak li ġara, iżda ried jiċċara illi ladarba ħarġet din l-ordni l-każ kien diġà deher quddiem il-Qorti. 

Finalment il-Ministru wiegħed aktar ħidma minn naħa tiegħu kontra l-vjolenza fuq in-nisa, filwaqt li fakkar li l-ewwel leġiżlazzjoni li ressaq hu bħala Ministru għall-Ġustizzja kienet propju dik tal-femiċidju - xi ħaġa li jtemm ifakkar illi tpoġġi lil pajjiżna ferm qabel pajjiżi ewropej oħrajn.

More in Politika