L-allegat aggressur li spara lejn raġel ieħor wara aċċident, li wassal sabiex jitlef ħajtu, jitressaq il-qorti illum fis-6pm quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.
Ir-raġel ta' 46 sena kien allegatament involut f'aċċident tat-traffiku il-bieraħ bejn mutur, li kien qed jinstaq minn l-istess raġel, u karozza misjuqa minn Jean Paul Busuttil ta' 53 sena mill-Bidnija. Il-pulizija ġiet infurmata b'dan għall-ħabta tat-8am u maret fuq il-post, il-Bidnija stess.
Skont stħarriġ preliminari, jidher li kien hemm ħabta fejn ma weġġa' ħadd. Wara, wasal Uffiċjal tal-LESA fuq il-post sabiex jagħmel rapport fejn qam argument bejn iż-żewġ xufiera, u x-xufier tal-mutur allegatament ħareġ arma tan-nara u spara lejn ix-xufier l-ieħor.
Busuttil rikeb fil-vettura u pprova jsuq lejn l-isptar, imma ċempel għall-ambulanza meta wasal Burmarrad. Hu ġie ċċertifikat mejjet ftit wara li wasal l-isptar u l-allegat aggressur ġie arrestat fuq il-post.