Maħfra Presidenzjali għal tliet studenti u lettur tal-Università wara każ ta’ ethical hacking

Tliet studenti u lettur tal-Università ta’ Malta jingħataw il-maħfra Presidenzjali wara li kienu qed jaffaċċjaw akkużi kriminali marbuta ma’ każ ta’ ethical hacking

Tliet studenti u lettur mill-Università ta’ Malta ngħataw maħfra Presidenzjali wara li kienu qed jaffaċċjaw akkużi kriminali marbuta ma’ każ ta’ ethical hacking, jiġifieri meta nstab li b’intenzjoni tajba żvelaw vulnerabbiltajiet tas-sigurtà f’software jew sistema.

Il-maħfra, li nħarġet taħt l-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, ġiet ikkonfermata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’komunikat uffiċjali, fejn ġie spjegat li l-passi ttieħdu wara rakkomandazzjoni tal-Kabinett tal-Ministri u impenn politiku dirett mill-Prim Ministru Robert Abela.

Skont l-istqarrija, il-Prim Ministru sostna li dan il-każ m’għandux jiġi indirizzat biss mill-aspett legali iżda għandu jitqies ukoll minn dak li hu ġust u proporzjonat, b’enfasi fuq kif il-liġijiet għandhom jadattaw mar-realtajiet teknoloġiċi attwali.

“L-Istat għandu jieħu responsabbiltà fejn meħtieġ u jagħmel l-aġġornamenti meħtieġa fil-qafas legali tal-pajjiż,” qal Dr Abela, li esprima l-fehma li ma setgħetx titħalla għaddejja inġustizzja kontra żgħażagħ li aġixxew b’intenzjonijiet tajbin għall-ġid pubbliku.

B’din il-prerogattiva li għandu l-Kabinett, il-proċeduri kriminali intemmu kompletament, u l-individwi ma jibqgħux soġġetti għal akkużi jew proċess kriminali fil-konfront tagħhom.

 

 

More in Socjali