Żgħażagħ bid-Dijabete jiltaqgħu mal-Kummissarji Ewropej fi Brussell

għażagħ bid-dijabete iltaqgħu fi Brussell mal-Kummissarji Ewropej biex jaqsmu l-isfidi tagħhom u jappellaw għal aċċess aħjar għat-teknoloġija medika u kura aktar ġusta madwar l-Ewropa

L-MEP Malti Peter Agius il-bieraħ laqqa’ grupp ta’ żgħażagħ bid-dijabete mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Olivér Várhelyi, u l-Kummissarju Ewropew għall-Żgħażagħ, Glenn Micallef, fi djalogu politiku li ffoka fuq l-isfidi li jiffaċċjaw żgħażagħ li jgħixu b’din il-kundizzjoni u s-soluzzjonijiet li jistgħu jtejbu l-kwalità ta’ ħajjithom.

L-avveniment, li sar fi Brussell, laqqa’ żgħażagħ minn diversi pajjiżi tal-UE – fosthom dawk li għandhom id-dijabete tat-tip 1 u oħrajn li jaħdmu fil-prevenzjoni – biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jippreżentaw proposti lill-istituzzjonijiet Ewropej. It-temi diskussi kienu varjati: mill-istigma fl-iskejjel, għall-aċċess limitat għal teknoloġija medika avvanzata, sal-ħtieġa ta’ appoġġ mentali u kura personalizzata.

“Intom mhux sempliċement pazjenti – intom mexxejja, attivisti u aġenti tal-bidla,” qal Agius waqt l-indirizz tiegħu lill-parteċipanti. Huwa saħaq fuq il-bżonn li ż-żgħażagħ ikunu parti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u faħħar l-inizjattivi tagħhom biex jiġġieldu l-istigma u joħolqu komunitajiet ta’ appoġġ.

Fost l-istejjer qawwija li ħarġu mill-laqgħa, Martin mill-Awstrija spjega kif hu u sħabu bdew serje ta’ videos edukattivi biex jgħinu ż-żgħażagħ jifhmu x’tfisser tgħix bid-dijabete. Martina minn Malta tkellmet dwar l-isfidi li jaffaċċjaw ħafna Maltin biex jaċċessaw tagħmir avvanzat bħall-continuous glucose monitors u l-pompi tal-insulina – teknoloġija li tista’ tagħmel differenza kbira fil-ġestjoni tal-kundizzjoni. Hi appellat direttament lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħin b’azzjoni konkreta biex tagħmel dawn is-sistemi aktar disponibbli.

Il-Kummissarju Ewropew għaż-Żgħażagħ, Glenn Micallef, assigura li l-Kummissjoni qed taħdem biex tippromwovi stil ta’ ħajja aktar san fost iż-żgħażagħ, inkluż permezz tal-isport. Sadanittant, il-Kummissarju Várhelyi tkellem dwar il-viżjoni tal-UE għal kura aktar personalizzata, li tinkludi l-użu tat-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali biex jiġu indirizzati kundizzjonijiet kroniċi bħal dijabete u mard tal-qalb.

More in Socjali