Wara l-isparatura li seħħet il-Ħadd li għadda li fiha allegatament Mohammed Hamdan spara fuq raġel ieħor, qed joħorġu fid-dieher dettalji dwar il-passat kriminali tiegħu – passat mimli allegazzjonijiet serji u kundanni li jmorru lura sa mill-2006. Ir-raġel Sirjan, li ilu jgħix Malta u huwa miżżewweġ lil Maltija, ilu magħruf mal-awtoritajiet għal numru ta’ każi fosthom attentat ta’ qtil, serqa, theddid u attakki fuq uffiċjali pubbliċi. L-iżviluppi tal-aħħar ġimgħat qed iressqu għal darb’oħra l-attenzjoni fuq il-mudell ta’ mġiba vjolenti li ħalla warajh matul is-snin.
2006: Attentat ta’ qtil, sekwestru u serqa
F’Novembru 2006, Hamdan ġie akkużat b’attentat ta’ qtil fuq raġel Libjan. L-inċident seħħ fil-Madliena, madwar is-2.30pm, fejn Hamdan allegatament tah daqqa ta' sikkina.
Barra minn hekk, Hamdan kien akkużat li żamm lill-vittma kontra r-rieda tiegħu u seraq $17,000 flus kontanti mingħand Enfis. Il-Magistrat irrifjuta l-ħelsien mill-arrest minħabba li l-vittma kien għadu għaddej minn kura fl-isptar u ma setax jitqiegħed bħala xhud.
2010: Każ ta’ theddid, insulti u ksur ta’ kundizzjonijiet
F'Diċembru 2010, Hamdan kien ikkundannat wara li nstab ħati ta’ theddid, insulti u ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ordni legali li kienu imposti fuqu minn qabel. Dan kien jinkludi theddid b’mod aggressiv lejn persuni oħra u insulti bil-miktub u bil-ħalq. Il-Qorti kkonkludiet li dan il-mużajk ta’ reati mhux biss kien jikkonċerna l-imġieba kriminali imma wkoll għamel ħsara fuq is-sigurtà pubblika. Minħabba dan, Hamdan ġie soġġett għal multa u ordni li ma jikkuntattjax persuni oħra għal perjodu ta’ tlett snin.
2011: Attakk fuq pulizija u servizz fil-komunità
Fl-14 t'Awwissu 2011, Hamdan kien arrestat wara argument ma’ pulizija tat-traffiku fiċ-Ċirkewwa. Huwa kien qed isuq mingħajr pjanca tan-numru ta’ wara, u meta ntalab jagħti d-dettalji personali, beda jħabbat u jinsulta lill-pulizija, saħansitra anki laqat il-pulizija.
Il-Qorti ordnat li jagħmel 40 siegħa ta’ servizz fil-komunità minflok multa jew priġunerija, hekk kif uffiċjal tal-probazzjoni appoġġa din is-sentenza.
Il-każijiet preċidenti kriminali ta’ Mohammed Hamdan juru pattern ta’ mġieba kriminali li tinkludi reati serji bħal attentat ta’ qtil, theddid u vjolenza kontra uffiċjali tal-pulizija.