Il-Pulizija arrestat żewġt irġiel b’rabta ma’ żewġ każijiet ta’ serq li seħħew f’Tas-Sliema u f’San Ġwann bejn it-Tlieta filgħaxija u l-Erbgħa filgħodu.
L-ewwel każ ġie rrappurtat għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu tal-lum meta żewġt irġiel, wieħed minnhom armat b’sikkina, serqu ħanut fi Triq il-Wilġa, Tas-Sliema. Huma daħlu fil-ħanut mgħammda u talbu l-flus lill-kaxxier, qabel ħarbu minn fuq il-post.
Ftit sigħat wara, għall-ħabta tal-11:30am tal-Erbgħa filgħodu, seħħ każ ieħor simili fi Triq Tal-Balal, San Ġwann. Żewġt irġiel, armati b’sikkina u mgħammda, daħlu fi ħanut ieħor, l-ispiżerija Browns, u talbu l-flus mingħand il-kaxxiera.
Waqt li kienu għaddejjin it-tfittxijiet relatati mas-serqa tas-Sliema, il-Pulizija ndunat bil-vettura fi Triq Mountbatten, Ħamrun. Il-karozza twaqqfet u x-xufier, raġel ta’ 42 sena minn Birżebbuġa, ġie arrestat fuq il-post.
Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-istess vettura kienet intużat ukoll fis-serqa ta’ Tas-Sliema.
Aktar tard, il-Pulizija arrestat it-tieni persuna suspettata – raġel Libjan ta’ 37 sena residenti Tas-Sliema – fir-residenza tiegħu.
Fuq iż-żewġ każijiet ġie infurmat il-Maġistrat inkwerenti Dr Joseph Mifsud LL.D, li ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.