Raġel ta’ 40 sena miż-Żejtun inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal diversi akkużi, fosthom li hedded lill-eks sieħba tiegħu, kiser ordni ta’ protezzjoni u naqas milli josserva kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
Carlos Falzon, panel beater li joqgħod iż-Żejtun, tressaq il-Qorti b’rabta ma’ inċident li allegatament seħħ fit-8 ta’ Ottubru, għall-ħabta tat-3pm.
Il-Qorti semgħet li l-akkużat u l-allegata vittma, kienu f’relazzjoni u li kien hemm ordni ta’ protezzjoni favur tagħha li tipprojbixxi lil Falzon milli jersaq lejha.
Skont dak li ntqal fil-Qorti, bejn it-tnejn inqala’ diżgwid li matulu l-akkużat allegatament refa’ idejh fuq il-mara u għamlilha xi theddid.
Wara l-inċident, il-Pulizija arrestaw lil Falzon.
Madankollu, l-Ispettur spjega li l-allegata vittma stess ikkonfermat mal-Pulizija li kienet qattgħet ħin mal-akkużat bil-kunsens tagħha.
Minbarra l-akkużi relatati mat-theddid u l-ksur tal-ordni ta’ protezzjoni, Falzon qed jiġi akkużat ukoll li kkawża biża’ li tintuża vjolenza fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu u li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu f’każijiet preċedenti.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-avukati difensuri Matthew Xuereb u Jose Herrera talab il-ħelsien mill-arrest, iżda l-Qorti ċaħdet it-talba u ordnat li Falzon jinżamm arrestat.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.