Ħames persuni arrestati f’żewġ investigazzjonijiet separati dwar allegat traffikar ta’ droga

F’operazzjoni fl-Imsida u Ħal Balzan ġew arrestati tliet Maltin u Svediż, filwaqt li Serb inżamm wara li sustanzi suspettati droga nstabu fil-mutur tiegħu wara inċident fil-Mosta

Ritratt: Pulizija ta' Malta
Ritratt: Pulizija ta' Malta

Ħames irġiel ġew arrestati mill-Pulizija f’żewġ investigazzjonijiet separati marbuta ma’ allegat traffikar ta’ droga.

Fl-ewwel każ, il-Pulizija qalet li wettqet sorveljanza fuq proprjetà fl-Imsida u oħra f’Ħal Balzan matul il-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa. Wara din l-operazzjoni ġew arrestati tliet Maltin u raġel Svediż. 

Waqt tfittxijiet fil-proprjetajiet u f’vettura, il-Pulizija sabet sustanzi suspettati li huma kokaina, ecstasy, kannabis, ketamina u LSD, li skontha kienu f’ċirkostanzi li jindikaw li kienu lesti għat-traffikar.

Ġew elevati wkoll boroż żgħar tal-plastik vojta, imwieżen diġitali, mobiles, flus kontanti u oġġetti oħra li l-Pulizija qed torbot mal-allegat traffikar tad-droga. 

F’investigazzjoni separata, raġel mis-Serbja ġie arrestat wara li l-Pulizija allegat li kien involut fit-traffikar tad-droga meta kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mosta fid-29 ta’ Settembru.

Ir-raġel kien weġġa’ serjament fl-inċident u kien għadu ma setax jiġi arrestat dak iż-żmien. Wara li l-kundizzjoni tiegħu tjiebet fil-jiem ta’ wara, il-Pulizija poġġietu taħt arrest. 

Mill-investigazzjonijiet li saru dakinhar tal-inċident, f’kompartament tal-mutur tiegħu nstabu sustanzi suspettati li huma kokaina, kannabis, MDMA u ketamina, ukoll f’ċirkostanzi li skont il-Pulizija kienu jindikaw li kienu lesti għat-traffikar. 

Uħud mill-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti llum għall-ħabta tas-2.30pm quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco.

More in Qrati u Pulizija