L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fuq il-post. Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-bajja u minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li r-raġel, residenti l-Mellieħa, kien qed jgħum meta f’daqqa waħda sab diffikultà fil-baħar.
Persuni li kienu fil-viċin raw x’kien qed jiġri u intervjenew minnufih, fejn tellgħu lir-raġel mill-ilma u tawh l-ewwel għajnuna sakemm wasal tim mediku fuq il-post. Minkejja l-intervent ta’ dawk preżenti u l-kura urġenti li ngħatatlu, ir-raġel ittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, iżda ftit wara ġie ċċertifikat mejjet.
Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Joseph Mifsud LL.D, ġie infurmat bil-każ u ordna l-ftuħ ta’ Inkjesta Maġisterjali. Intant, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.