Sentenza favur l-eks spettur David Gatt: Il-Qorti tikkundanna lill-Istat

Wara 24 sena ta’ ġlied legali, il-Qorti tikkundanna lill-Istat biex iħallas aktar minn tliet mitt elf ewro lill-eks Ispettur David Gatt

F’sentenza estensiva u bi kliem bla tlaqliq, il-Qorti Ċivili Prim’Awla kkundannat lill-Istat Malti u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex iħallsu €321,021 f’kumpens lil Dr David Gatt, eks spettur tal-Pulizija li kien tkeċċa fl-2001 fiċ-ċirkostanzi li l-Qorti iddikjarat bħala irregolari u inġusti.

Is-sentenza – li ġiet preseduta mill-Imħallef Toni Abela – ikkonfermat li Gatt kien tneħħa mill-Korp tal-Pulizija mingħajr ma ngħata l-opportunità ta’ smigħ xieraq, bi ksur tal-proċeduri u tar-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Minkejja li f’sentenza preċedenti tal-2010 il-Qorti kienet ordnat li jitpoġġa lura fil-grad tiegħu, l-awtoritajiet baqgħu jinvintaw modi biex jevitaw l-eżekuzzjoni sħiħa ta’ dik id-deċiżjoni.

Ħamsa u għoxrin sena ta’ kawżi, inċertezza u inġustizzja

L-istorja bdiet lura fl-2001 meta  Gatt, li dak iż-żmien kien Spettur fil-Korp tal-Pulizija, irċieva ittra li tkeċċih fuq bażi ta’ "interess pubbliku" wara suspett ta’ konnessjonijiet ma’ każ ta’ serq. Madanakollu, huwa qatt ma ġie mixli formalment, u f’żewġ kawżi separati l-Qorti kienet diġà kkonfermat li t-tneħħija tiegħu kienet illegali.

Minkejja dan, minflok ġie reintegrat fil-pożizzjoni tiegħu, l-Istat reġa’ ipprova jneħħieh mill- ġdid bl-użu ta’ interpretazzjoni dubjuża ta’ proċeduri dixxiplinarji, li għal darb’oħra qatt ma ġew kompluti.

Il-Qorti saħqet ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku fallu sistematikament fil-mod kif imxew mal-proċess kollu, inkluż il-fatt li qatt ma ppermettew lil Gatt jidher quddiem il-Kummissjoni u jgħid tiegħu – xi ħaġa li hija meqjusa bħala bażika f’kull proċedura dixxiplinarja.

Kompens mogħti: €321,021

Il-Qorti qieset li Gatt għandu jitħallas għas-snin kollha li ma rċieva l-ebda salarju minkejja li  kien għadu spettur fil-Korp, flimkien ma’ allowances, bonuses u drittijiet oħra li kien tilef. Wara li ġiet imnaqqsa s-somma li kien irċieva bħala pensjoni u applikat rata ta’ kumpens, il-Qorti likwidat is-somma f’€321,021, bl-imgħax legali inkluż.

Din is-sentenza m’għandhiex biss implikazzjonijiet finanzjarji; hija tikkastiga amministrazzjoni pubblika li falliet fl-aktar test bażiku tal-ġustizzja: li tisma’ lin-nies u tosserva l-proċess dovut.

Għalkemm David Gatt qatt ma ġie mixli b’reat kriminali, u l-Qorti ordnat ir-reintegrazzjoni tiegħu, l-awtoritajiet għażlu li jużaw il-proċeduri biex jdewwmu jew jevitaw ir-responsabbiltà, skont il-Qorti.

 

More in Qrati u Pulizija