F’diskors emozzjonanti u riflessiv li għalaq karriera ta’ disa’ snin bħala Imħallef, Toni Abela għamel sejħiet ċari għal bidla strutturali fis-sistema ġudizzjarja, inkluż l-abolizzjoni tad-distinzjoni bejn il-Qrati Inferjuri u Superjuri. “Hemm Maġistrati li huma tant kapaċi li jagħmluni nħossni inferjuri jien,” qal b’mod umli iżda kritiku.
L-okkażjoni saret f’awla mimlija, b’figuri ewlenin tal-istat u l-ġudikatura preżenti, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard. Il-President tal-Kamra tal-Avukati, Peter Fenech, faħħar lil Abela bħala wieħed magħruf għall-valuri tiegħu, li ma beżax juri anke f’żminijiet politiċi delikati.
Matul id-diskors tiegħu, l-Imħallef irringrazzja individwi li akkumpanjawh fil-vjaġġ tiegħu – minn membri tal-familja sal-persunal tal-qorti – u ddeskriva l-mument tal-għoti tas-sentenzi bħala “l-essenza tal-funzjoni ġudizzjarja”.
“Il-qorti mhix palazz tas-setgħa imma servizz għall-ġustizzja,” qal Abela, u fakkar kif minkejja l-piż u r-responsabbiltà, l-umanità trid tibqa’ fil-qalba tal-ġudizzju.
Iżda mhux kollox kien ċelebrazzjoni. Abela ma qagħadx lura milli jikkritika l-edukazzjoni legali f’Malta, u esprima diżappunt dwar it-tnaqqis fil-kwalità tal-kors tal-liġi meta mqabbel maż-żmien tiegħu bħala student. Huwa semma wkoll l-isfidi tal-ġudikanti – speċjalment nisa li huma wkoll ommijiet – u rrimarka li l-pressjonijiet personali u attakki pubbliċi jistgħu jxekklu s-serenità li għandha tikkaratterizza lill-ġudikatura.
Huwa stqarr li l-ġudikatura kultant titħalla waħedha taffaċċja pressjonijiet enormi mingħajr biżżejjed għodod ta’ sostenn, kemm fuq livell personali kif ukoll amministrattiv. "Mhux kull min jilbes toga jista’ jiflaħ dan il-piż," qal.
B’mod partikolari, ħa pożizzjoni ċara kontra t-tendenza li ċerti individwi jqisu s-saltna tad-dritt bħala “menu à la carte”. "Ma tistax tfaħħar sentenza meta taqbel miegħek u fl-istess ħin tattakka lill-imħallef meta ma taqbilx," wissa Abela.
Fost is-sentenzi li spikkaw matul il-karriera tiegħu hemm każ reċenti fejn irrifjuta r-rikonoxximent ta’ sentenza Amerikana ta’ miljuni ta’ dollari, għaliex kienet tqanqal tħassib dwar il-libertà tal-espressjoni – deċiżjoni li ġiet deskritta bħala waħda kruċjali għall-prinċipji kostituzzjonali Maltin.
Id-deċiżjoni, li kienet relatata ma’ każ ta’ libell barra minn Malta, ġiet meqjusa bħala messaġġ b’saħħtu favur il-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali lokali anke quddiem pressjonijiet legali minn ġurisdizzjonijiet oħra.
Fil-konklużjoni tiegħu, Abela qal li fil-bidu tal-karriera tiegħu għażel li jitkellem permezz tas-sentenzi tiegħu, iżda llum – fid-dawl tal-esperjenza u l-kisbiet – jista’ jirtira “b’rasu għolja”.
"Ix-xogħol tagħna jibda b’dubju u jispiċċa b’tama," qal hu, hekk kif fakkar li s-sodisfazzjon ma jiġix biss minn ġustizzja amministrata, imma minn ġustizzja mifhuma u aċċettata mill-komunità.