F’dinja fejn il-midja soċjali tagħmel ħoss qawwi daqs, jekk mhux iżjed mill-aħbarijiet tradizzjonali, il-kwistjoni dwar jekk għandux ikun permess li jiġi ppubblikat l-isem ta’ xi ħadd mixli kriminalment qabel ma tiġi deċiża l-kawża tiegħu, hija waħda delikata u kumplessa.
Skont Artikolu 517 tal-Kodiċi Kriminali, il-Qorti għandha s-setgħa li tipprojbixxi l-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar ir-reat jew l-imputat sal-konklużjoni tal-kawża. Din id-dispożizzjoni tingħata bħala diskrezzjoni lill-Qorti, iżda hija suġġetta għal bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni u l-ġustizzja miftuħa (open justice), kontra d-dritt għall-privatezza u s-smigħ ġust tal-akkużat.
Biex niddiskutu dan is-suġġett f’aktar dettall, tkellimna, kemm ma’ żewġ avukati li għandhom esperjenza twila fil-qasam kriminali, kif ukoll mal-Ministru tal-Ġustizzja. Hawn taħt nittrattaw dak li kull wieħed minnhom qal.
Mariah Mula: “Diskrezzjoni iva, imma b’għarfien u gwida”
L-Avukata Mariah Mula tfakkarna li Artikolu 517 jippermetti lill-Qorti toħroġ ordni ta’ divjett tal-pubblikazzjoni, imma l-Qorti għandha d-dmir li tevalwa dan fid-dawl tad-dritt tal-midja li tinforma lill-pubbliku. Hija qalet li:
“Il-Qorti hija obbligata li tibbilanċja dan il-poter li tipprojbixxi l-pubblikazzjoni ma’ dritt u d-dover tal-midja … dan in konformità ma’ Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”
Madankollu, Mula targumenta li l-liġi Maltija ma tagħtix biżżejjed gwida konkreta dwar meta għandu jew m’għandux jinħareġ dan id-divjett, u għalhekk, il-qrati Maltin jirreferu għar-Reporting Restrictions Guide maħruġ fl-Ingilterra – dokument li jiddettalja l-prinċipji għal ġustizzja miftuħa.
Hi tfakkar li f’pajjiżi bħall-Ingilterra, l-isem tal-imputat għandu jiġi ppubblikat ħlief f’ċirkostanzi rari ħafna, u li:
“Mhux biżżejjed li l-akkużat ma jkunx komdu li jixxandar ismu; irid ikun hemm a pressing social need.”
Meta mistoqsija dwar kemm dan id-divjett huwa ġġustifikat, Mula tgħid li ħafna drabi iva, iżda d-deċiżjoni trid tkun proporzjonata u meħuda fuq il-mertu ta’ kull każ.
Nicolai Bugeja: “Il-bżonn konkret għandu jiggwida d-deċiżjoni”
L-Avukat Nicolai Bugeja jenfasizza l-importanza li d-divjett ma jintużax b’mod awtomatiku, iżda b’reazzjoni għal bżonn konkret:
“Id-divjett jiddependi fuq l-eżistenza tal-bżonn konkret li titħares il-protezzjoni tal-imputat jew tal-vittma … mhux kull skumdità għandha twassal għal divjett.”
Bugeja jindika wkoll li l-preżunzjoni tal-innoċenza ma tfissirx li l-imputat għandu dritt awtomatiku għall-anonimità:
“Il-pubbliku għandu dritt ikun jaf li hemm proċeduri kriminali pendenti kontra xi ħadd, anke jekk għadu ma ġiex ikkundannat.”
Interessanti ngħidu wkoll li għalkemm il-liġijiet dwar il-vjolenza domestika jipprovdu protezzjoni għall-vittmi, dawn mhux dejjem japplikaw direttament għall-Qorti, iżda huma aktar għodda għal-leġiżlazzjoni li għadha tiżviluppa.
Il-Ministru għall-Ġustizzja: “Il-Qorti għandha d-diskrezzjoni, mhux l-obbligu”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard jikkonferma li Artikolu 517 jipprovdi għad-divjett tal-pubblikazzjoni mhux biss isem l-akkużat, iżda wkoll ta’ informazzjoni dwar il-każ.
“Artikolu 517 jagħti diskrezzjoni lill-Qorti sabiex issib bilanċ bejn id-dritt tal-akkużat għal smigħ xieraq … u d-dritt tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.”
Il-Ministru jisħaq fuq il-fatt li kull każ għandu jiġi evalwat fuq il-mertu tiegħu, u li għalkemm hemm gwida internazzjonali minn entitajiet bħall-Kunsill tal-Ewropa, hija dejjem il-Qorti li tagħmel l-evalwazzjoni finali.
Interessanti wkoll li jenfasizza kif il-minorenni għandhom protezzjoni speċjali taħt il-Qorti tal-Minorenni u li f’dawn il-każijiet, id-divjett huwa obbligatorju.
Fiduċja fil-Qorti u aktar ċarezza fil-liġi
Il-possibbiltà li ma nsemmux isem akkużat f’kawża kriminali qabel ma tinqata’ s-sentenza hija kwistjoni delikata li tmiss żewġ pilastri ta’ soċjetà demokratika: il-ġustizzja u l-libertà tal-espressjoni. L-esperti li tkellimna magħhom jaqblu li f’ċerti każijiet dan id-divjett hu meħtieġ, imma wkoll li l-liġi għandha tkun aktar ċara u gwidata.
Sakemm ma jkunx hemm aktar direzzjoni mil-leġiżlatur, id-diskrezzjoni se tibqa’ f’idejn il-qrati – istituzzjonijiet li rridu nittamaw li jibqgħu jeżerċitaw din id-diskrezzjoni b’għaqal, b’ġustizzja, u bl-għarfien li f’soċjetà miftuħa, id-dawl hu kważi dejjem l-aħjar sterilizzant.