Tliet xhur ħabs għal raġel akkużat li għen immigranti jidħlu Malta illegalment

Yazan Abdulaziz ammetta l-akkużi kontrih wara li tressaq il-qorti b’rabta ma’ assistenza lil persuni biex jidħlu jew jibqgħu Malta illegalment

Raġel identifikat bħala Yazan Abdulaziz ġie kkundannat tliet xhur ħabs effettivi u multa ta’ €1,000 wara li ammetta akkużi relatati ma’ assistenza lil persuni biex jidħlu jew jibqgħu Malta illegalment.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Il-qorti qrat kif Abdulaziz kien akkużat li bejn is-27 ta’ April 2026 u fix-xhur ta’ qabel għen jew assista persuni biex jinżlu l-art jew joqogħdu Malta bi ksur tal-liġi dwar l-immigrazzjoni.

Huwa kien akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu meta kien ingħata l-ħelsien mill-arrest permezz ta’ digriet mogħti mill-Maġistrat Nadine Sant Lia fl-4 ta’ Ottubru 2024.

Akkuża oħra kienet tgħid li waqt li kien fid-dmir li jieħu ħsieb tfal jew persuni vulnerabbli, naqas milli jieħu ħsiebhom kif suppost.

Il-qorti nnutat li Abdulaziz tressaq arrestat fit-28 ta’ April 2026 u waqt l-eżami ammetta l-akkużi kollha fil-konfront tiegħu.

Fis-sentenza tagħha, il-qorti qalet li kkunsidrat l-ammissjoni tal-imputat u assigurat ruħha li din saret b’mod volontarju u wara li ġie informat dwar il-konsegwenzi legali tagħha.

Il-qorti osservat ukoll li l-imputat ingħata biżżejjed żmien biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu u anke biex jirtira l-ammissjoni jekk xtaq jagħmel dan.

Madankollu, wara li ngħata l-opportunità kollha meħtieġa, Abdulaziz ikkonferma mill-ġdid l-ammissjoni tiegħu għall-akkużi kollha.

Għalhekk, il-qorti qalet li ma kellha l-ebda raġuni biex tiddubita mill-validità tal-ammissjoni u sabitu ħati tal-akkużi kollha.

Minbarra s-sentenza ta’ tliet xhur ħabs u l-multa ta’ €1,000, il-qorti ordnat ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta ta’ depożitu ta’ €5,000 li kien ġie stabbilit bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-qorti ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbagħat lir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali.

More in Qrati u Pulizija