Missier mixli b’reati sesswali fuq bintu ta’ sitt snin

Raġel residenti ż-Żejtun tressaq il-Qorti wara investigazzjoni li bdiet minn rapport mid-direttorat tal-protezzjoni tat-tfal dwar messaġġi allegatament ta’ natura sesswali mibgħuta lil tifla ta’ sitt snin, filwaqt li l-Qorti laqgħet talba għal ordni ta’ protezzjoni favur il-minuri

Raġel ta’ 46 sena residenti ż-Żejtun tressaq il-Qorti akkużat b’serje ta’ reati sesswali allegatament fil-konfront ta’ bintu ta’ sitt snin, wara investigazzjoni li bdiet minn rapport li sar lid-direttorat tal-protezzjoni tat-tfal.

L-isem tal-akkużat ma jistax jixxandar minħabba ordni tal-Qorti.

Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa, Elaine Rizzo,  il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Pulizija rċeviet rapport mingħand id-direttorat tal-protezzjoni tat-tfal dwar tħassib relatat ma’ messaġġi allegatament mibgħuta mill-missier lit-tifla permezz ta’ WhatsApp. Ġie allegat li dawn il-messaġġi kienu ta’ natura sesswali.

Skont il-Prosekuzzjoni, it-tifla allegatament qalet lis-social workers, fil-preżenxa ta’ adult li kien hemm okkażjonijiet fejn missierha kien juriha l-parti tiegħu xi drabi saħansitra jgħidilha biex tmissu.

Wara li l-Pulizija kkonfermat l-allegazzjonijiet preliminari waqt l-investigazzjoni, inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tar-raġel.

Il-Qorti semgħet kif l-akkużat ġie arrestat is-Sibt filgħodu mill-Pulizija tal-Għassa taż-Żejtun waqt li mar jiffirma l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest marbuta ma’ każ separat fuq drogi. Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-arrest sar fl-għassa minħabba li l-indirizz li kien ta lill-awtoritajiet kien kamra fejn għalqa, u meta l-Pulizija marru jfittxuh hemmhekk ma sabuh qatt.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukati Ġenerali Darlene Grima u Julia Micallef Stafrace flimkien mal-Ispettur Marshal Mallia, talbet ukoll għal ordni ta’ protezzjoni favur il-minuri allegata vittma, u din ġiet milqugħa mill-Qorti.

Id-difiża qed titmexxa mill-avukati Marion Camilleri u Franco Debono.

More in Qrati u Pulizija