Priġunier jagħti n-nar lis-saqqu ġewwa ċella fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Zouhair Hadoumi, wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Joseph Carabott, allegatament ta n-nar lis-saqqu tiegħu stess ġewwa ċella ma ġew irrappurtati l-ebda korrimenti iżda nfetaħ rapport tal-pulizija dwar il-każ

Raġel miżmum fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin (CCF) allegatament ta n-nar lill saqqu tiegħu stess ġewwa ċella tal-ħabs, skont informazzjoni miksuba mill-gazzetta oħt, MaltaToday.

Sorsi qrib il-każ qalu li l-priġunier huwa Zouhair Hadoumi, wieħed mit-tliet persuni mixlija bil-qtil ta’ Joseph Carabott, ta’ 67 sena, ġewwa l-ħanut tal-ġojjellerija tiegħu fiż-Żurrieq. Minkejja l-inċident, ma ġew rrappurtati l-ebda grieħi.

Hadoumi jinsab akkużat flimkien ma’ Mohamed Anas Boualam u Donna Sciberras dwar il-każ li ħasad il-ħajja ta’ Carabott. Boualam u Sciberras bħalissa qed jiskontaw sentenzi ta’ 32 sena u 28 sena ħabs rispettivament.

Joseph Carabott kien instab minn uliedu marbut u mitluf minn sensih f’għadira demm ġewwa l-ħanut tiegħu fil-25 ta’ Awwissu 2023. Huwa kien sofra ġrieħi serji ħafna f’rasu u qatt ma rkupra, qabel miet fil-5 ta’ April 2025.

Din il-gazzetta hija infurmata li dwar l-inċident tan-nar infetaħ rapport mal-pulizija.

More in Qrati u Pulizija