Għejejna u Xbajna... Protesta biex jesprimu r-rabja tagħhom lejn 'is-sistema patrijarkali'
Madwar 11-l organizzazzjoni jesprimu r-rabja u l-frustrazzjoni tagħhom lejn l-istqarrija tal-Pulizija li tgħid li l-aħħar femiċidju li seħħ fil-gżejjer Maltin m’għandux għeruqu fil-ġeneru tal-persuna

minn Marianna Calleja

Grupp ta’ organizzazzjonijiet mill-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tan-nisa se jkunu qegħdin jinġabru quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta fil-Furjana dalgħodu.
Madwar 11-il organizzazzjoni kkollaboraw flimkien biex jesprimu r-rabja u l-frustrazzjoni tagħhom lejn l-istqarrija tal-Pulizija li l-aħħar femiċidju li seħħ fil-gżejjer Maltin m’għandux għeruqu fil-ġeneru tal-persuna.
Fl-istess dimostrazzjoni, li se tkun qed issir illum fil-11:00.a.m, se jsiru numru ta' talbiet li jinkludu;
- Li l-awtoritajiet jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom fil-qasam.
- Li jittieħdu azzjonijiet konkreti li jindirizzaw l-isterjotipi, il-misoġinija u l-patri
- Li tiġi indirizzata l-problema tat-tqegħid tat-tort fuq il-vittma.
- Li l-istupru bħala reat, jittieħed b’iktar serjetà.
- Li jiġu aġġornati l-linji gwida għall-iskejjel fir-rigward tas-sess u r-relazzjonijiet.
Filwaqt li l-organizzazzjonijiet jistiednu lil kull min jappoġġja d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi biex tingħaqdu għal din il-protesta, is-sit illum.com.mt se jkun qed jingħaqad magħkhom f'xandira diretta.
Dak li nafu sa issa:

2 ta' Jannar 2022
Paulina Dembska, studenta tal-Ingliż f'pajjiżna tinstab bla ħajja fi Ġnien l-Indipendenza Tas-Sliema. Filwaqt li l-Pulizija ma semmietx mal-ewwel l-isem tal-allegat suspettat tal-qtil, kien mal-ewwel akkużat żagħżugħ ta' 20 sena, Abner Aquilina miż-Żejtun. L-awtopsja tikkonferma li hija kienet sfat stuprata qabel inqatlet.
.jpg)
Ġurnata wara l-pulizija tat spjegazzjoni ta' kif Aquilina sab ruħu l-allegat suspettat tal-qtil. Dakinhar permezz ta' stqarrija. il-Pulizija informat ukoll li Aquilina ittieħed l-Isptar Mater Dei biex ikun invistat mit-tobba. Minn hemm huwa ġie riferut għall-Isptar Monte Carmeli u dan wassal biex il-Pulizija tissospendi l-interrogazzjonijiet tas-suspettat.
4 ta' Jannar 2022
Mijiet ta' nies inġabru fi Ġnien l-Indipendenza biex ifakkru lil Paulina Dembska. Il-familja ta' Dembska kienu preżenti virtwalment għal din l-attività.
Huma rringrazzjaw lil dawk kollha li attendew, fosthom kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia, Ministri u Deputati tal-Oppożizzjoni kif ukoll kandidati, fosthom Owen Bonnici, Miriam Dalli, David Thake u Arnold Cassola. Attendew membri oħrajn tal-PL, il-PN u anke ADPD.

Fl-istess attvità tkellmet Lara Dimitirjevic - li hi parti minn organizzazzjoni li fid-demostrazzjoni tal-lum se tkun preżenti wkoll - qalet illi dan il-qtil ifakkarna illi l-pajjiż irid dejjem jieħu ħsieb u jipproteġi lin-nisa.
Kienet ukoll fl-istess attivita li Omm Paulina Dembska spjegat kif il-familja saru jafu bil-qtil ta' binthom mill-midja. L-omm kompliet tispjega li l-Pulizija ma tawhom l-ebda informazzjoni oħra u kellhom jistaqsu u jiċċekjaw huma dwar x'ġara eżatt. Skont l-omm, il-Pulizija Pollaka tathom biss informazzjoni dwar kif jistgħu jġibu l-ġisem ta’ binthom lura l-Polonja.

13 ta' Jannar 2022
Abner Aquilina ttella' l-Qorti fejn kien akkużat bl-omiċidju u bl-istupru ta' Paulina Dembska. Dan mhux qabel ma' seħħet konferenza tal-aħbarijiet mill-Pulizija.
Il-Kelliem tal-Korp tal-Pulizija, Brandon Pisani, qal fil-konferenza u anke mal-ILLUM li dan l-omiċidju ma kienx premeditat, li seħħ mingħajr pjan u li Dembska la kienet fil-mira partikolari hi u lanqas kien fil-mira il-ġeneru tagħha, li jfisser illi l-Pulizija qed tgħid li dan l-omiċidju ma jikkategorizzax bħala femiċidju, jiġifieri omiċidju li jsir fuq il-bażi tal-ġeneru tal-vittma.
Kienu dawn il-kummenti li rrabju diversi għaqdiet u organizzazjonijiet. Kienet l-istess rabja u frustazzjoni li waslet biex tiġi organizzata d-demostrazzjoni tal-lum.
21 ta' Jannar 2022
Tibda' l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Abner Aquilina fil-Qorti iżda l-akkużat jsegwi virtwalment minħabba li jinsab kwarantina. Abner Aquilina ddeskiva lil moħħu bħala "forn" lill-pulizija u qallhom li kien jirċievi frekwenzi u li "l-kbir kien jilluminani". Mill-investigazzjonijiet kien stabbilit li l-akkużat ma setax jagħmel id-differenza bejn dak li huwa sew u dak li mhux.
Aqra wkoll dawn l-artikli għal aktar informazzjoni;
'Il-fatt li l-aggressur seta' kellu problemi ta' saħħa mentali bl-ebda mod ma jiġġustifika dan il-qtil'
Il-Pulizija tipprova tifhem x'ġara eżatt qabel il-qtil ta' Dembska; Interrogati membri tar-River of Love
Il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta' Abner Aquilina tibda nhar il-Ġimgħa
