'Il-fatt li l-aggressur seta' kellu problemi ta' saħħa mentali bl-ebda mod ma jiġġustifika dan il-qtil'

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza tisħaq li riflessjonijiet ta' soċjetà patrijarkali "jinsabu kullimkien madwarna" 

Messaġġ fil-velja li saret ilbieraħ f'Tas Sliema
Messaġġ fil-velja li saret ilbieraħ f'Tas Sliema

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) fi stqarrija esprimiet s-swied il-qalb u r-rabja tagħha għall-femiċidju ta’ Paulina Dembska.

Paulina Dembska ġiet abbużata sesswalment u nqatlet, allegatament minn raġel li ma kinitx tafu u mhux qarib tagħha, waqt li hija kienet qiegħda titma’ il-qtates f’Tas-Sliema. "Dan huwa każ ċar ta’ vjolenza fuq in-nisa, jiġifieri vjolenza li seħħet għax Paulina “kienet mara”. Il-possibbiltà li l-aggressur ibati minn kwistjonijiet ta’ saħħa mentali bl-ebda mod ma jiġġustifika jew jiskuża l-mottiv misoġinista ta’ dan il-qtil," tgħid l-istqarrija. 

Ilbieraħ mijiet inġabru biex jagħtu tislima lil Dembska, filwaqt li dalgħodu fuq siti Pollakki kien irrappurtat illi l-ġenituri ta' Paulina saru jafu bil-qtil wara li oħtha rat l-aħbar fuq il-midja u ċemplitilhom. 

L-NCPE sostniet li n-nisa huma konxji ta' firxa ta’ forom differenti ta’ fastidju u abbuż li jsofru waqt li jiffrekwentaw postijiet pubbliċi u waqt il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. "Għalkemm il-qtil ta’ Paulina huwa l-aktar forma estrema ta’ poter u kontroll f’soċjetà patrijarkali, il-manifestazzjonijiet ta’ din il-mentalità - minn catcalling u tbagħbis mhux mixtieq - għal rappreżentazzjonijiet sessisti fil-midja u fastidju esperjenzat min-nisa u l-bniet – jinsabu kullimkien madwarna."

L-istqarrija sostniet li l-femiċidju ta’ Paulina Dembska għandu jservi bħala sejħa biex jiġu eżaminati u indirizzati bis-serjetà r-relazzjonijiet ta’ poter inugwali bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà tagħna.

"Dan jinvolvi sforz kollettiv mis-setturi u l-awtoritajiet kollha, u miċ-ċittadini u r-residenti kollha, kemm nisa kif ukoll irġiel. L-inugwaljanza bejn is-sessi teħtieġ li tiġi indirizzata permezz ta’ politiki li jqisu l-kwistjonijiet tas-sess u permezz tal-eradikazzjoni tas-sessiżmu mill-isferi kollha tal-ħajja, inklużi fil-midja onlajn, fix-xandir, kif ukoll is-sessiżmu istituzzjonalizzat. Barra minn hekk, l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tkun integrata fil-forom kollha tal-edukazzjoni formali u informali, u għandhom jiġu żviluppati għodod edukattivi effettivi biex jgħinu dan il-proċess," temmet tgħid l-istqarrija tal-Kummissjoni. 

More in Politika