Mijiet f'Tas Sliema biex ifakkru lil Paulina Dembska: 'M'int se tintesa' qatt'

Il-familja ta' Dembska tattendi virtwalment u tirringrazzja lil dawk preżenti...

Mijiet ta' nies inġabru fi Ġnien l-Indipendenza llejla biex ifakkru lit-tfajla Pollakka - Paulina Dembska - li nhar il-Ħadd instabet mejta f'dan l-istess ġnien, bl-awtopsja tikkonferma li hija kienet sfat stuprata qabel inqatlet. 

Il-familja ta' Dembska kienu preżenti virtwalment għal din l-attività. Huma rringrazzjaw lil dawk kollha li attendew, fosthom kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia, Ministri u Deputati tal-Oppożizzjoni kif ukoll kandidati, fosthom Owen Bonnici, Miriam Dalli, David Thake u Arnold Cassola. Attendew membri oħrajn tal-PL, il-PN u anke ADPD. 

Lara Dimitirjevic qalet illi dan il-qtil ifakkarna illi l-pajjiż irid dejjem jieħu ħsieb u jipproteġi lin-nisa, filwaqt li mara preżenti qrat kitba tal-vittma li kienet sostniet illi f'din id-dinja niġu mingħajr ġid materjali u hekk nitilqu wkoll. Sa issa ma kienet stabbilita ebda rabta bejn Dembska - li kienet tgħix Tas Sliema u li kienet tħobb titma' l-qtates u l-akkużat Abner Aquilina. 

Dan il-qtil makabru f'post pubbliku qajjem ir-rabja u l-għagħa ta' ħafna nies, u għaqqad lill-forzi kollha ta' Malta kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u kontra n-nisa. 

 

More in Politika