Il-Pulizija tipprova tifhem x'ġara eżatt qabel il-qtil ta' Dembska; Interrogati membri tar-River of Love

Skont rapporti, Aquilina attenda għal attività tar-River of Love ftit sigħat biss qabel instab il-ġisem bla ħajja taż-żagħżugħa Pollakka

Skont rapporti, il-Pulizija interrogaw diversi membri tal-grupp River of Love minħabba l-possibbilità ta’ rabta ma’ Abner Aquilina, suspettat bil-qtil makabru ta’ Paulina Dembska, fit-2 ta’ Jannar.

Aquilina kien arrestat ftit wara li nstab il-ġisem bla ħajja tat-tfajla li l-awtopsja kkonfermat li ġiet ukoll stuprata.

Madanakollu, l-interrogazzjoni ta’ Aquilina kellha tiġi sospiża hekk kif it-tobba rreferewh għall-Isptar Monte Karmeli.

Skont ir-rapporti, l-investigaturi bħalissa qed jipprovaw jistabilixxu l-movimenti ta’ Aquilina ftit qabel il-qtil, anke minħabba indikazzjonijiet li sigħat qabel wettaq ir-reat, huwa attenda għal ċerimonja ta’ River of Love.

Propju għalhekk li skont it-Times of Malta, il-Pulizija qed tinvestiga xi membri tal-organizzazzjoni.

Qed jingħad li Aquilina mar għal attività tar-River of Love li saret fiż-Żejtun u kellu jorqod fid-dar ta’ membru tal-grupp, iżda ma għamilx dan.

Mhux magħruf x’ġara fil-ħin li Aquilina telaq mid-dar, għall-ħabta tas-2am sal-qtil.

Membru tal-familja ta’ Aquilina qal mal-istess gazzetta li s-suspettat kellu l-problema tad-droga iżda beda jattendi l-organizzazzjoni River of Love, bl-istess qarib jgħid li ż-żagħżugħ spiċċa “brainwashed.”

Intant, Gordon Manche, li jmexxi r-River of Love kien qaluli ma jafx biż-żagħżugħ u li qatt ma kien parti mill-grupp. Insista li bħal kwalunkwe knisja oħra, kulħadd jista' jattendi meta jrid għas-servizzi tal-grupp.

More in Politika