Aġġornata | Aquilina jgħid li moħħu 'forn', li kien jirċievi frekwenzi u li lilu kien qed jilluminah 'il-kbir'

Fil-lejl tal-omiċidju Abner Aquilina, kien daħal fil-Knisja tal-Balluta, tela' fuq l-artal, ta' daqqa ta sieq lil-leġiju u talab lill-patri jiktiblu ittra...

Abner Aquilina ma kienx il-Qorti dalgħodu għall-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih hekk kif jinsab kwarantina, madanakollu s-seduta xorta waħda mistennija ssir b'Aquilina jsegwi virtwalment. 

Intant fil-Qorti, huwa u jixhed, l-Ispettur Jonathan Ransley qal illi Aquilina fl-istess lejl tal-omiċidju kien daħal fil-Knisja tal-Balluta u ħoloq kjass u storbju filwaqt li ta daqqa ta' sieq lil-leġiju tal-Knisja, waqt li beda jitlob lill-qassis sabiex jikteb ittra li tgħid li huwa mhuwiex kriminal. 

L-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher parte civile, qal illi l-mument tas-suspett li Aquilina kien involut fl-omiċidju, wara li l-pulizija qabduh b'relazzjoni mal-kommossjoni li qala' fil-Knisja tal-Balluta, għadu mhux ċar. Mhux ċar jekk is-suspett li Abner Aquilina kien involut fl-omiċidju ta' Paulina Dembska qamx qabel jew wara li l-Pulizija infurmaw lill-akkużat bid-drittijiet tiegħu. "Għalhekk," sostna Filletti, "huwa importanti li l-Pulizija jkollhom fuqhom bodycams li jipproteġu lill-Pulizija mill-aggressuri għax jirrekkordjaw viżwalment dak li jkun intqal bejn il-Pulizija u l-akkużat."

Aquilina kien qal lill-pulizija wara l-arrest, jkompli jixhed Ransley, illi l-aktar film li jiddiskrevih tajjeb huwa Clockwork Ornage, film ta' Stanley Kubrick dwar kriminal psikopatiku. 

L-Ispettur Ransley qal li bħala parti mill-investigazzjoni huwa ra l-film, bil-karattru prinċipali jkun abbużat sesswalment, ikun qatel lil xi ħadd u wara jfittex li jindem permezz tar-reliġjon. L-Ispettur qal illi l-film għenu jifhem aħjar għaliex Aquilina kien qed iqabbel lilu nnifsu ma' dan il-karattru. 

Abner Aquilina kien iddeskiva lil moħħu bħala "forn" lill-pulizija u qallhom li kien jirċievi frekwenzi u li "l-kbir kien jilluminani".

Mill-investigazzjonijiet  kien stabbilit li l-akkużat ma setax jagħmel id-differenza bejn dak li huwa sew u dak li mhux. L-Ispettur Jonathan Ransley itemm jgħid li meta arrestat kien qed iġib ruħu b'mod stramb ħafna, għalkemm wara li l-Ispetturi wissewh li huma kellhom snin ta' esperjenza ma' suspettati, beda jġib ruħu b'mod normali. 

 Aquilina, li għandu 20 sena qed ikun akkużat bil-qtil ta' Paulina Dembska, Pollakka ta’ 29 sena, li nstabet bla ħajja fi ġnien f'Tas-Sliema nhar il-Ħadd 2 ta' Jannar.

Sussegwentement huwa kien intbagħat Monte Carmeli wara li beda jsemmi lix-Xitan u kif kien dan li ġiegħlu joqtol u jistupra lil Paulina Dembska. Abner Aquilina ġie rrapportat li kien attenda sessjoni tal-għaqda River of Love, qabel l-omiċidju.

More in Politika