Jidher illi mis-sena 2003 s’issa kien hemm 23 każ ta’ omiċidju volontarju li baqa’ mhux solvut.
B’kollox kien hemm total ta’ 106 każijiet ta’ omiċidju volontarju fis-snin li qed nirrappurtaw dwarhom, jiġifieri mill-2003 sas-6 ta’ Mejju tal-2025.
Dan ifisser li l-każijiet mhux solvuti jirrappreżentaw 22 fil-mija tal-każijiet kollha ta’ omiċidju volontarju.
Sfortunatament, però, l-informazzjoni pprovduta ma tagħtix idea ta’ kemm kien hemm vittmi b’kollox, iżda n-numru ta’ każijiet biss.
Dil-informazzjoni hija meħuda minn mistoqsija parlamentari magħmula mill-Membru Parlementari Davina Sammut Hili lill-Ministru Byron Camilleri.
X’inhu l-omiċidju volontarju?
Għall-fini taċ-ċarezza, dil-gazzetta tixtieq tispjega eżattament xi jfisser omiċidju volontarju.
Skont il-Kodiċi Kriminali, l-omiċidju volontarju huwa meta xi ħadd intenzjonalment jikkaġuna l-mewt ta’ persuna.
Dan jista’ jsir jew “bil-ħsieb li joqtol persuna jew li jqiegħed il-ħajja tagħha f’periklu ċar”.
Iżda l-liġi għandha wkoll klawżoli ta’ meta omiċidju volontarju jista’ jiġi skużat.
Eżempji ta’ dawn il-każijiet huwa meta l-qtil ikun ipprovokat minn offiża gravi fuq il-persuna jew meta xi ħadd ikun qed jaġixxi “taħt l-influwenza immedjata ta’ passjoni istantanja jew aġitazzjoni tal-moħħ”.
83 każ ta’ omiċidju volontarju solvut
Iżda biex ma nagħlqux dan l-artikolett b’togħma morra, tajjeb li ngħidu wkoll li l-maġġoranza assoluta tal-każijiet ta’ omiċidju volontarju huma solvuti.
Fil-fatt, minn 106 każijiet ta’ omiċidju volontarju, 83 minnhom huma solvuti. F’termini ta’ persentaġġ, dan ifisser li 78 fil-mija tal-każijiet kollha huma solvuti.
Fl-aħħar, nixtiequ nagħlqu billi ngħaddu l-osservazzjoni li kull każ ta’ omiċidju volontarju mis-sena 2018 sal-aħħar data fl-informazzjoni mogħtija ġie solvut.