Filmat | Konrad Mizzi jgħid li ma jafx min hu s-sid ta' 17 Black

Konrad Mizzi insista mal-ġurnalisti li hu ma għandu l-ebda konnessjoni mal-kumpanija 17 Black

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi għadu qed jisħaq li ma jafx min huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, minkejja li ġie żvelat xhur ilu li din il-kumpanija hija ta’ Yorgen Fenech, li sa ftit jiem ilu kien direttur tal-Electrogas, il-kumpanija li bniet u qed tmexxi l-Power Station ta’ Delimara.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, ftit qabel daħal fil-Parlament, il-Ministru Konrad Mizzi saħaq biss li huwa dejjem kien konsistenti dwar din il-kwistjoni u insista li hu ma għandu l-ebda konnessjoni mal-kumpanija 17 Black.

Kompla jwieġeb li r-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech hija waħda professjonali biss, kif, fi kliemu, għandhom diversi Deputati oħra miż-żewġ naħat waqt li insista li issa ilu "ftit mhux ħażin" ma jiltaqa' miegħu.

Dwar jekk jaħsibx li għandu jirriżenja, għax kien hemm membri tal-Kabinett li rriżenjaw fuq kwistjonijiet ħafna inqas serji, il-Ministru Mizzi qal li hu refa’ r-responsabbilità fil-leġislatura li għaddiet, meta rriżenja minn Deputat Mexxej Laburista u spiċċa Ministru bla portafoll.

Ftaħar dwar il-fatt li fl-aħħar elezzjoni, eleġġieh il-poplu b’ammont akbar ta’ voti.

Dwar jekk Keith Schembri għandux jirriżenja, ġaladarba Schembri stess kien qal li l-kumpanija 17 Black u anke MacBridge kienu parti mill-pjan tiegħu tan-negozju bħala klijenti potenzjali, il-Ministru Mizzi qal lill-ġurnalisti biex jistaqsu liċ-Chief of Staff stess, filwaqt li faħħar il-ħidma tiegħu fil-Gvern.

            Aqra aktar dwar il-kumpanija 17 Black billi tagħfas hawn

Mistoqsi jekk jiddispjaċihx dwar il-fatt li meta kien Minsitru għall-Enerġija, il-bini tal-powerstation il-ġdid ingħata f’idejn Electrogas, li tagħha Fenech kien direttur, il-Ministru Mizzi saħaq li din intgħażlet wara proċess twil ta’ għażla u li l-istess proġett kien approvat mill-Kummissjoni Ewropea, fost oħrajn u li l-istess proġett fisser kontijiet orħos.

Filwaqt li saħaq li mhux se jikkummenta dwar l-arrest ta’ Yorgen Fenech dalgħodu, il-Ministru qal biss li dak li ġara huwa prova ta’ kemm il-Gvern ma jridx li jħalli xejn mistur dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-ġurnalisti staqsew lil Mizzi wkoll dak il-kumpanija MacBridge u reġa’ insista li ma għandu l-ebda idea ta’ min hi din il-kumpanija.

“Tuwna ftit spazju wkoll biex nagħmlu x-xogħol tagħna,” temm jappella il-Ministru lill-ġurnalisti.

Aqra wkoll:

More in Politika