Repubblika u Occupy Justice jisħqu li l-Parlament għandu jkeċċi lil Joseph Muscat

L-organizzazzjonijiet qed iħeġġu lin-nies biex illejla fis-6pm jinġabru quddiem Kastilja

Repubblika u Occupy Justice qed jisħqu li Joseph Muscat għandu jirriżenja u jekk ma jagħmilx hekk għandu jkun il-Parlament li jneħħih.

L-organizzazzjonijiet qed iħeġġu lil dawk “jħossuhom fid-dover li jipproteġu lill-pajjiż,” biex illejla jinġabru quddiem Kastilja fis-6 ta’ filgħaxija biex jeżiġu li “l-Parlamentari jwarrbu lil Muscat.”

“Joseph Muscat missu keċċa lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi minnufih fi Frar 2016. Dan m’għamlux. Minflok pproteġihom u hekk għadu qed jagħmel, anke wara li Keith Schembri rtira l-kawża tiegħu din il-gimgħa,” saħqu l-organizzazzjonijiet.“B’dan l-aġir Joseph Muscat ħalaq stat ta’ impunità – stat tal-Mafja – li mhux biss ppermetta li kuntratt korrott jiġi mogħti imma wassal għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.”

Huma saħqu li Joseph Muscat huwa responsabbli għal dak li huwa stess iddeskriva bħala “assalt fuq id-demokrazija.

“Jekk ma jitlaqx minn jeddu, irid jiġi mkeċċi. Il-partit tiegħu, il-grupp parlamentari tiegħu, il-Parlament għandu l-poter u d-dover li jkeċċuh jekk ma jitlaqx,” temmet tisħaq l-istqarrija.

More in Politika