'Il-Prim Ministru għandu responsabilità politika xi jġorr' - Delia

Adrian Delia se jħalli Żagreb minnufih biex jirritorna Malta

Il-Kap tal-PN Adrian Delia
Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia se jkun qed iħalli Żagreb minnufih biex jirritorna Malta wara l-aħbar li l-Pulizija arrestat lis-sid tal-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech.

F'indirizz minn Żagreb Delia qal li pajjiżna għaddej minn mument diffiċli u delikat u għal darba, tnejn sostna li hemm differenza bejn ir-responsabilità legali u ġudizzjarja u r-responsabilità politika. 

"Se noqgħod lura f'dak li jirrigwarda proċess ġudizzjarju, imma mhux mill-aspett politiku meta għandna ċar li persunaġġ bħal Fenech, sid ta' 17 Black, li għandha rabtiet mal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-PM Keith Schembri u għandha konnotazzjonijiet politiċi .. il-Prim Ministru għandu responsabilità politika xi jġorr, responsabilitajiet li l-PN ilu jinsisti dwarhom," sostna Delia. 

"X'se jagħmel b'Keith Schembri?" staqsa l-Kap tal-PN. Huwa qal li l-ħsara li qed issir lill-pajjiż hija waħda kbira u saħaq li l-PM qed jinsa l-interess nazzjonali.Qal li Muscat qed jiffoka biss fuq dak li tiddetta l-liġi, iżda qed jinjora r-realtà politika waqt li tenna li jeħtieġ jerfa' r-responsabbilitajiet politiċi.

Skont Delia, fl-aħħar sigħat, iltaqa' ma' diversi mexxejja ta' pajjiżi Ewropej u li l-kliem kollu qed jaqa' fuq dak li għaddej f'Malta bħalissa.

"Inħallu l-Qrati jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom, iżda fil-politika rridu nerfgħu r-responsabbilità," insista l-Kap Nazzjonalista.

Filwaqt li appella għall-prudenza, biex wara kollox il-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jkun solvut. Delia ddeskriva s-sitwazzjoni preżenti bħala waħda 'delikata' ħafna għall-pajjiż.

Aktar dettalji dalwaqt.

Aqra aktar:

More in Politika