Il-PN jitlaq 'il barra mill-Parlament wara li Muscat ma jweġibx dwar riżenji

L-Oppożizzjoni titlaq 'il barra mill-Parlament wara li Muscat ma riedx jgħid hux se jġiegħel lil Keith Schembri u Konrad Mizzi jirriżenjaw

Adrian Delia | Ritratt DOI
Adrian Delia | Ritratt DOI

In-naħa tal-Oppożizzjoni fil-Parlament żvojta hekk kif id-Deputati Nazzjonalisti kollha ħarġu 'l barra wara li Muscat ma riedx jgħid hux se jkun qiegħed iġiegħel lil Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi jirriżenjaw. Muscat fil-fatt irrimarka li dawn it-tnejn ma ssemmewx fl-iżviluppi tal-lum, hekk kif kien arrestat Yorgen Fenech, sid ta' 17 Black

Kien il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo li staqsa lil Muscat jekk hux se jkun qed iġiegħel lil dawn jirriżenjaw fuq l-allegazzjoni illi ż-żewġ kumpaniji fil-Panama li kienu fetħu kellhom il-kumpanija ta' Yorgen Fenech, 17 Black, bħala target client. Dan ifisser illi l-madwar $1.6 miljun li allegatament daħlu fil-kumpanija ta' Fenech kienu allegatament destinati għal Tillgate u Hearnville, il-kumpaniji fil-Panama ta' Schembri u Mizzi rispettivament.

Il-Prim Ministru Muscat reġa' sostna dak li qal lill-ġurnalisti filgħodu, jiġifieri l-bżonn tal-kawtela u l-prudenza. Huwa qal illi dan juri kif il-liġi qed tiġi applikata għal kulħadd l-istess u fakkar illi sentejn ilu kien hemm min talab għar-riżenja tiegħu. Muscat reġa' tenna illi huwa ħerqan biex toħroġ il-verità ħalli jgħid dak li ilu biex jgħid f'dawn l-aħħar sentejn. 

Intant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li kien qiegħed waqt Kungress tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kroazja ta struzzjonijiet biex id-Deputati Nazzjonalisti kollha jattendu għall-protesta li ser issir ilejla quddiem Kastilja. Iktar kmieni huwa ħabbar li se jiġi pajjiżna minnufih minħabba l-aħħar żviluppi poliitiċi. 

Intant fl-ewwel kummenti l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna illi l-PM ma weġibx mistoqsija li tinsab fuq fomm kulħadd u kien għalhekk li l-PN ħareġ mill-Parlament. 

More in Politika