Inċentivi fiskali u għajnuna biex bdiewa jsiru sidien tal-art li jaħdmu; Ir-riforma tar-raba' pass pass
Ir-riforma tipproponi fost oħrajn mezzi biex art agrikola tkun protetta, inċentivi fiskali għas-sidien li jikru art agrikola u taxxa fuq art agrikola li ma tkunx qed tintuża għall-attivitajiet tal-biedja

minn Yendrick Cioffi

Il-Ministeru responsabbli mill-Agrikoltura, flimkien mal-Ministeru għall-Ġustizzja, nedew għall-Konsultazzjoni White Paper għar-riforma fil-qasam tar-raba’, liema riforma għandha l-għan li tiggarantixxi sostennibilità għall-biedja, il-produzzjoni tal-ikel u l-ħarsien rurali.
Fuq kollox, it-tir huwa li jinħoloq aktar bilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien u anke dawk tal-bdiewa u tagħti attenzjoni partikolari lis-salvagwardji tal-art agrikola.
Fost oħrajn, ir-riforma proposta tagħti prijorità “lill-bdiewa ġenwini” li jkunu qed jikru f’każ li s-sidien ikunu jridu jbiegħu l-art u anke toffri inċentivi fiskali li jinkoraġixxu l-attività u l-investiment fil-biedja.
Dawn huma l-punti ewlenin tar-riforma li mil-lum tinsab għall-konsultazzjoni pubblika:
1. Titwaqqaf Awtorità responsabbli għar-Raba’
Il-Gvern qed jipproponi li titwaqqaf Awtorità li tħares ir-raba’ privata u anke l-pussess tiegħu. L-għanijiet tagħha jkunu erbgħa:
- Iżżomm reġistru tal-bejgħ, kiri u l-użu tal-art agrikola
- Tassigura li r-raba’ jibqa’ jinħadem għal skop agrikolu
- Tinċentiva l-akkwist tar-raba’ tal-privat minn bdiewa ġenwini li għandhom art agrikola mikrija lilhom, billi jingħataw dritt ta’ preferenza jekk is-sid jagħżel li jbigħ
- Takkwista permezz ta’ dritt mogħti lilha raba’ offruta għall-bejgħ biex din imbagħad tkun allokata lill-bdiewa ġenwini.
2. Titwaqqaf Awtorità responsabbli għar-Raba’
Ir-riforma tipproponi li l-Awtorità tipproteġi r-raba’ fil-konfini stabbiliti skont iż-Żoni Rurali identifikati fil-pjanijiet Lokali tal-2006 u li jiġu aġġornati minn żmien għal żmien
3. L-iżvilupp ta’ katast u reġistru tal-bejgħ
Qed ikun propost li jkun hemm katast tar-raba’. Fi kliem sempliċi, din hija sistema ta’ informazzjoni dwar il-pussess u l-użu tal-art. Dan huwa importanti għall-monitoraġġ u l-ħarsien tar-raba’.
4. Issir distinzjoni skont l-istatus tal-bidwi
Il-Gvern qed jisħaq li għandha ssir distinzjoni bejn bdiewa attivi, bdiewa tal-passatemp u dawk li ġodda li jixtiequ jidħlu fis-suq.
Dan qed isir biex ikun assigurat li r-raba’ tkun f’idejn bdiewa ġenwini. Fin-nuqqas ta’ dan, ikun hemm lok għall-abbuż.
Iżda kif se tinħoloq din id-distinzjoni? Li se jiġri huwa li se jkun hemm kategoriji differenti bbażati fuq il-valur tal-prodott li joħroġ mill-għalqa/razzett fuq perjodu ta’ sena. L-istatus tal-bidwi u r-rabta’ mal-attività fil-biedja, se jkunu kriterji li jagħtu preferenza lil min jibbenefika mill-benefiċċji msemmija f’din ir-riforma.
5. L-Awtorità tkun aġġornata b’konvenji u l-eventwali bejgħ
L-Awtorità msemmija aktar qabel trid tkun notifikata bil-konvenju u l-eventwali bejgħ tar-raba’ privat.
Is-sidien li jkunu jixtiequ jbiegħu, jistgħu jagħżlu li joffru r-raba’ għall-bejgħ lill-istess awtorità (ara aktar ‘il fuq).

6. Kirjiet mhux inqas minn tmien snin u mhux aktar minn 16-il sena
Kwalunkwe kirja riveduta mill-Bord dwar il-Kontroll u l-Kiri tar-Raba’, għandha tkun irreġistrata mal-Awtorità.
Hekk kif propost fl-emendi (agħfas hawn biex taqra aktar), għandu jkun hemm regolamenti li jistabbilixxu l-prezz ġust tar-raba.’
Dan il-prezz ġust tal-kirja għandu jqis il-valur tar-raba’ stmata bħala art agrikola, għall-użu agrikolu u jista’ jista’ jinkiseb minn fuq is-suq miftuħ, il-mezzi tal-kerrej, iċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet tar-raba’ u kwalunkwe piż li jista’ jkun proporzjonat għal sid il-kera.
Il-kuntratti tal-kirjiet ma jkunux għal inqas minn tmien snin u għal mhux aktar minn 16-il sena. Dan iservi biex il-kirjiet ikunu stabbli u l-bidwi jkollu aktar serħan il-moħħ.
7. Sejħa għall-art agrikola tal-Gvern
Il-White Paper tipproponi wkoll li l-Awtorità tal-Artijiet toħroġ sejħa għall-offerti għall-kirjiet ġodda ta’ art agrikola għal skop agrikolu.
Anke hawn se tingħata preferenza lill-bdiewa ġenwini.
8. Inċentivi Fiskali
Il-White Paper tħares lejn aktar miżuri ta’ taxxa bil-għan li joffru aktar inċentiv fejn tidħol il-pussess u l-akkwist tal-art agrikola. Dawn jistgħu jinkludu:
- Eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni jekk l-art tinkera lill-bidwi
- Inċentivi fiskali lis-sidien tal-art li jikru l-art tagħhom
- Taxxa fuq art agrikola meta din ma tkunx qed tintuża għall-iskop ta’ attivitajiet tal-biedja
9. Rati ta’ mgħaxx baxx lill-bdiewa li jixtru raba’ mikri lilhom
Il-Gvern qed jipproponi wkoll li tiżdied l-għajnuna għall-bdiewa.
Fost dawn, ir-riforma ssemmi skemi ta’ garanziji lill-bdiewa li jippermettulhom jiksbu self b’rati ta’ mgħaxx baxx biex jixtru raba’ mikri lilhom.
Il-Konsultazzjoni
Il-konsultazzjoni pubblika qed tinfetaħ mil-lum stess. Wieħed jista’ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu permezz ta’:
Imejl: [email protected] jew permezz ta’ ittra indirizzata lid-Direttorat għall-Agrikoltura fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.
Is-sottomissjonijiet għandhom isiru sat-8 ta’ Novembru 2022.

Is-sit illum.com.mt u l-gazzetta ILLUM kienu fuq quddiem nett fir-rappurtaġġ u l-istejjer li jitrattaw il-kwistjoni tal-qbiela.
- Ara kif l-Avukat tal-Istat stess qal li l-liġi tal-Qbiela qed tipproteġi l-provvista tal-ikel f’każ ta’ emerġenza bħall-gwerra fl-Ukrajna
- Kienet il-Gazzetta ILLUM li żvelat kif il-Gvern kien qed jaħdem fuq din il-Liġi l-ġdida
- Ara hawn iż-żewġ naħat tal-argument dwar il-qbiela: L-argument tal-bidwi u ta' sid l-art
- Żvelajna wkoll kif kien hemm każi ta' nies li xtraw art u ma kinux jafu li qed tinħadem bi qbiela
- Il-bdiewa b'rebħa konsiderevoli. Imħallef ma jaċċettax talba ta' sid biex bdiewa jiġu żgumbrati
- Niżvelaw dettalji dwar il-bejgħ tal-art minn rapport tal-Parlament Ewropew
- U finalment kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif art agrikola qed tinxtara biex fuqha jsiru picnics privati


