Riforma Qbiela | Il-kirja ta' art agrikola se togħla b'mhux aktar minn 1.5% tal-valur tal-art

Il-Ministru Anton Refalo jħabbar riforma marbuta mal-qbiela - Jgħid illi b'dak li qed jipproponi l-Gvern "se jintlaħaq bilanċ"

Il-Gvern iħabbar rirofma fil-qbiela u l-kirjiet agrikoli
Il-Gvern iħabbar rirofma fil-qbiela u l-kirjiet agrikoli

Il-Gvern illum ħabbar riforma fil-qasam tal-qbiela li permezz tagħha qed iwiegħed li l-prezz tal-kirja tal-għelieqi mhux se jkun qed tiżdied b'aktar minn 1.5% tal-valutazzjoni tal-art.

Dwar il-prezz tal-art il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Anton Refalo ħabbar illi l-Gvern qed jipproponi li art agrikola tibda tiġi stmata bħala art agrikola u mhux bil-prezz tas-suq, bħal art oħra kummerċjali, kif ukoll li l-kumpens dovut lil sid il-kera jiġi stmat oġġettivament, jiġifieri skont dik l-art u indipendentement mill-kundizzjonijiet ta’ għelieqi oħra fil-viċin

L-irziezet residenzjali se jkunu meqjusa bħal kirjiet ta’ qabel l-1995, allura japplika għalihom is-sussidju tal-kera skont l-aħħar emenda fil-liġi tal-kirjiet protetti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, kemm il-Mininistru għall-Agrikolatura, Anton Refalo u anke l-Ministeru għall-Ġustizzja Jonathan Attard saħqu li din l-emenda u anke anke r-riforma proposta mill-Gvern se joffru futur aktar b'saħħtu lis-settur tal-biedja.

Il-Ministru Refalo insista li l-emenda msemmija hawn fuq hija waħda temporanja li l-għan tagħha huwa li twaqqaf l-għadd ta' każi kostituzzjonali li qed jinfetħu minn sidien bil-għan li bdiewa jiġu żgumbrati, għax jisħqu li l-qbiela li qed jieħdu hija baxxa wisq.

Qal li quddiem il-Qorti hemm xejn inqas minn 100 każ pendenti.

Evantwalment, din l-emenda se tkun sottoposta minn riforma aktar ġenerali mħabbra llum fil-White Paper li l-Gvern nieda għall-konsultazzjoni. 

Li se jiġri huwa li s-sid se jkun jista' jmur quddiem il-Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri tar-Raba' u jippreżenta rikors dwar kemm jaħseb li għandha togħla l-qbiela. Il-bidwi min-naħa tiegħu, ukoll ikun jista' jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar kemm jaħseb li għandha tkun din iż-żieda.

Eventwalment ikun l-Bord li jiddeċiedi dwar il-valur tal-art għall-użu agrikolu u dan skont diversi kriterji, inkluż iċ-ċirkostanzi tal-art, il-kundizzjonijiet, il-mezzi tal-kerrej etċ.

Din iż-żieda, ma tista' qatt taqbeż il-1.5% tal-valur tal-art. 

"L-abbozz huwa importanti ħafna u qed nindirizzaw kwistjoni li ħadd qabel ma kellu l-kuraġġ li jindirizza," insista l-Ministru Jonathan Attard.

Refalo fakkar li żmien il-pandemija u anke l-Gwerra fl-Ukrajna komplew juru kemm il-pajjiż ma għandux jiddependi biss mill-importazzjoni imma għandu jassigura li jkun hemm biżżejjed produzzjoni tal-prodott lokali.

Propju għalhekk li saħaq li din l-emenda u r-riforma proposta sserraħ ras il-bidwi, tagħmel aktar ġustizzja mas-sidien tal-art imma fuq kollox tħares ukoll l-interess pubbliku. 

Is-sit illum.com.mt u l-gazzetta ILLUM kienu fuq quddiem nett fir-rappurtaġġ u l-istejjer li jitrattaw il-kwistjoni tal-qbiela. 

More in Politika