L-ewwel rebħa għall-bdiewa; Imħallef ma jaċċettax talba ta' sid biex bdiewa jiġu żgumbrati

Deċiżjoni bla preċedent mill-imħallef Lawrence Mintoff dwar il-kwistjoni tal-qbiela

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha ċaħdet kawża għax-xoljiment ta’ qbiela ppreżentata minn sid ta’ għalqa fil-Qrendi, u ddeċidiet li l-liġi tal-qbiela eżistenti ħolqot bilanċ tajjeb bejn id-drittijiet tas-sidien u kerrejja.

Vincenza Magro, sid l-għalqa, fetħet kawża fil-Qorti fuq għalqa ta' kważi tlett tomniet, fiż-żona magħrufa bħala “il-Bur ta’ Ħallew” fil Qrendi, li kienet mikrija lil Annalisa Schembri u Liberata Schembri. Dawn kienu qed iħallsu €24 fil-kera kull sentejn. Magro rrifjutat li taċċetta l-aħħar ħlas tal-kera, li mbagħad il-kerrejja kienu ddepożitaw fil-Qorti.

Is-sid argumentat li l-kirjiet rurali jgawdu protezzjoni qawwija fil-liġi u jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra, tant li "hu kważi impossibbli li qatt tieħu lura l-pussess tal-għalqa tiegħi." Sostniet ukoll li l-liġi ma tipprovdiex mekkaniżmu adegwat għar-reviżjoni tal-valur tal-kirja, li wasslet għal diskrepanza bejn il-kera mħallsa u l-valur tas-suq ħieles. Dan kollu, skont hi, jammonta għal ksur tad-dritt fundamentali tagħha għat-tgawdija tal-proprjetà personali.

Fid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwistjoni, l-Imħallef Lawrence Mintoff beda billi rrimarka li "minkejja l-liberalizzazzjoni tas-suq u l-importazzjoni ta' oġġetti tal-ikel minn barra, l-Istat għandu responsabbiltà qawwija li jiżgura li l-pajjiż ma jiddependix fuq l-importazzjonijiet biss." B'dan il-Maġistrat iġġustifika d-diskrezzjoni wiesgħa tal-Istat biex jiżgura li s-settur agrikolu ma jmurx minn taħt.

Fl-aħħar ġimgħat il-gazzetta ILLUM ħadet pożizzjoni editorjali dwar il-kwistjoni li fiha fakkret dwar l-importanza tal-agrikoltura għall-pajjiżna, inċidentalment l-istess linja ta' ħsieb tal-imħallef f'din id-deċiżjoni bla preċendent. Intant kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif il-Gvern qed jaħdem fuq liġi li titratta l-qbiela. Filwaqt li nhar il-Ħadd li għadda rraportat dwar għelieqi li qed jispiċċaw jinkrew biex isiru picnics fihom.

Aqra aktar dwar iż-żewġ naħat tal-argument hawn.

Aktar dettalji mill-każ ta’ Vincenza Magro kontra Annalisa u Liberata Schembri

Kif diġà ġie spjegat, is-sid tal-għalqa fil-Qrendi, Vincenza Magri,  argumentat quddiem il-Qorti li l-Liġi tal-Qbiela tmur kontra l-ksur tad-dritt fundamentali tagħha għat-tgawdija tal-proprjetà personali. Dan kien l-istess argument li J&C Properties għamlu quddiem il-Qorti, sena u xahar ilu. L-istess argument kien rebbaħ il-każ lis-sid u l-bdiewa ġew żgumbrati. Għaldaqstant din id-darba l-Qorti ddeċidiet li ma kien hemm l-ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif protetti mill-Kostituzzjoni jew il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-Avukat tal-Istat kien oppona l-każ ta' Magro darba oħra, ċaħad kwalunkwe ksur tad-drittijiet kostituzzjonali jew konvenzjonali, u argumenta fost affarijiet oħra li kien hemm għażliet legali oħra disponibbli għaliha. MIn-naħa tagħha Magro sostniet li l-ġurisprudenza wriet li wieħed jirrikorri għall-Bord tar-Regolamentazzjoni tal-Kiri Rurali ma jipprovdihiex rimedju effettiv.

Waqt li wieġbu wkoll għar-rikors inizzjali, Annalisa u Liberata Schembri sostnew li s-sid ma kinitx indikat liema artikoli tal-liġi kienu qed jikkawżaw il-ksur tad-drittijiet tagħha. Dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi, huma qalu li kellhom element ta’ politika pubblika fis-sens li jiżguraw it-tkomplija tal-operat tas-settur agrikolu f’Malta.

Magro qalet lill-Qorti li hija qatt ma qabbdet perit biex jistma l-art, iżda żiedet tgħid li riċentament kienet biegħet għalqa oħra, mhux ikkultivata, għal aktar minn €100,000 u esebit il-kuntratt bħala prova.

Iben is-sid ukoll kien xehed f’Jannar 2020, fejn spjega li prova jressaq żieda fil-qbiela, għal €600 fis-sena, ma’ Annalisa Schembri, “iżda hija ma weġbitx u minflok bdiet tiddepożita l-kera fil-Qorti.” Għal dan Schembri wieġbet li Magro fil-bidu kienet talbet €2000, li kienet impossibbli għaliha li tħallas u li s-€600 li talab wara kienu wkoll wisq.

'Hija r-responsabbiltà tal-Istat li jiżgura biżżejjed prodott agrikolu għall-pajjiż'

Fid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwistjoni, l-Imħallef Lawrence Mintoff, kontra ta’ dak li intqal mill-Avukat Ġenerali, beda billi rrimarka li s-sid ma setgħetx tagħmel din it-talba lill-Qorti inferjuri minħabba li qed tintlab dikjarazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u likwidazzjoni tad-danni.

Huwa nnota li ma kien hemm l-ebda kontestazzjoni tal-fatt li l-liġi, li daħlet fis-seħħ fl-1967, kienet maħsuba biex tikkontrolla l-użu ta’ art agrikola u għalhekk kienet ġiet introdotta b’intenzjoni leġittima. “Hija r-responsabbiltà tal-Istat li jiżgura biżżejjed prodott agrikolu għall-pajjiż,” qal l-Imħallef, filwaqt li nnota li fiż-żmien tal-introduzzjoni tiegħu, id-dmir tal-Istat kien aktar oneruż u kien jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż dak iż-żmien.

Fid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwistjoni, l-Imħallef iġġustifika d-diskrezzjoni wiesgħa tal-Istat biex jiżgura li s-settur agrikolu ma jmurx minn taħt. Hawnhekk il-Qorti qalet li ma taqbilx mal-argument tal-Avukat tal-Istat li għalkemm kien f’pożizzjoni li jirrikonoxxi l-bżonnijiet tas-soċjetà, ma kellu l-ebda dritt assolut li jfixkel id-dritt ta’ sid l-art li jgawdi l-proprjetà tiegħu.

Il-Qorti kellha tikkunsidra jekk kienx hemm nuqqas ta’ proporzjonalità fiż-żewġ miżuri leġiżlattivi promulgati mill-Istat. Hija rrikonoxxiet li dawn kienu ġew introdotti biex jipproteġu s-settur agrikolu billi jiġi żgurat li bidwi ma jistax jiġi mċaħħad faċilment mill-art li kien ilu jaħdem għal għexieren ta’ snin bl-impożizzjoni ta’ żieda fil-kera tiegħu, li, min-naħa tagħha, taffettwa d-dħul tiegħu u livell tal-għajxien. Il-Qorti tat l-attenzjoni tagħha fuq l-ammont tal-kera, wara li ħatret espert tekniku biex ifassal rapport dwar il-valur tal-kera tal-art bir-rati tas-suq. Intant l-imħallef ma qabilx mas-sejbiet tal-espert, u qal li dawn ma kinux realistiċi fil-kuntest ta’ art agrikola u aktar tajbin għal art mibjugħa għal raġunijiet oħra.

Għall-bdiewa dehru l-avukati Errol Cutajar u James D’Agostino, filwaqt li l-avukati David Camilleri u Joseph Gatt irrappreżentaw lis-sidien.

More in Politika