Il-Qbiela: Il-bdiewa jgħidu li wisq, is-sidien jgħidu li ftit ... min għandu raġun?

Fl-ewwel tarf tal-ħabel issib lill-bdiewa li jinsistu li qed jiġu mitluba wisq. Fit-tarf l-ieħor issib lis-sidien li jgħidu li dak li qed jitolbu lanqas biss jibda’ ma dak li ħaqqhom. Jekk tħares lejn is-sitwazzjoni kollha mill-bogħod tinduna li din hi biss kobba maqgħuda b’ħafna trufijiet. Min għandu raġun? Int x’taħseb?

Ġimgħa ilu l-gazzetta żvelat il-liġi ġdida tal-qbiela. Tat ukoll spjegazzjoni tal-kronoloġija legali tal-qbiela f’Malta.  Issa kien imiss li l-gazzetta tisma’ ż-żewġ naħat tal-argument. Il-ġlieda tal-bdiewa hi waħda ġustifikata għaliex dawn qegħdin jiġġieldu għall-għixien tagħhom. Min-naħa l-oħra għandek lis-sidien li qegħdin jiġġieldu għad-dritt fundamentali tagħhom.

‘L-ikbar theddida fuq is-settur agrikolu, mill-indipendenza ‘l hawn’ – Malcolm Borg

Għat-tieni ġimgħa, l-ILLUM daret fuq il-Koordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg u staqsitu mistoqsija sempliċi. “Għalfejn qed jiġri dan kollu?” Ir-risposta tiegħu kienet li dan kollu jdur mal-fatt li teżisti domanda kbira għal l-art agrikola għal raġunijiet mhux agrikoli. 

Għal dan li ġej, ejja nżommu f’moħħna lil Nazzareno u Antonia Pulis. Bdiewa li kienu jaħdmu art agrikola f’Ħaż-Żabbar. Is-sid tagħhom, J&C Properties, rebaħ każ kontra l-Avukat Ġenerali wara li argumenta l-liġi preżenti tal-qbiela tmur kontra d-dritt tas-sid li jgawdi l-proprjetà tiegħu. 

F’dan il-proċess legali kollu, il-Qorti bagħtet lill-perit tekniku tal-Qorti sabiex jivvaluta l-art agrikola u jara kemm tiswa’. Fl-ebda ħin u mument, ħadd ma jista’ jgħid li l-perit ma għamilx xogħlu. Hi biss il-formula li ntużat mill-perit li ġiet kritikata minn Borg.

Borg irrakkonta kif il-formula li jużaw il-periti bħalissa, biex jivvalutaw l-art, tikkunsidra r-raba’ fil-madwar kemm inbigħ, jekk għandhiex kmamar, jekk għandhiex aċċess għat-triq u ħafna iktar. Dan kollu jibqa’ jtella l-valur tal-art.

“Jekk il-perit ikkunsidra kemm jinbiegħ ir-raba’ bħalissa, ir-raba’ qed jinbiegħ għoli ħafna għax hawn domanda kbira għalih. Fejn qabel tomna raba’ kienet tinbiegħ €8,000 issa qed tinbiegħ €80,000.”

Li ried ifisser Borg hu li anke jekk il-Qorti, bħal ma kien il-każ tal-kirjiet l-antiki, tieħu 1% jew 1.5% tal-valur ta’ proprjetà, is-somma mitluba lil bidwi bħala qbiela se tkun wisq esseġerata. Fil-fatt, Borg żied jgħid “li bidwi, jkabbar xi jkabbar, lanqas jekk tkun kannabis, mhuwiex se jaqla biżżejjed biex iħallas il-qbiela.” 

Biex inkunu għidna kollox, hawn fejn nerġgħu naqgħu fl-argument li ppreżentaw l-Għaqdiet Franċiżi meta kienu qegħdin jiġġieldu għal emendi fil-liġi Franċiża tal-qbiela. Huma kienu sostnew li l-bidwi qed jispiċċa jaħdem biex jipprova jgħix imma mhux biex jagħmel profit. Skont il-koordinatur, “din fetħet tieqa sabiex il-bdiewa jitkeċċew.” 

Mistoqsi mill-gazzetta, jekk taffetwax li tkun bidwi part-time jew full-time, Borg wieġeb li kulħadd qed jintlaqat.

“Qed naraw fenomeni inkredibbli u moqżieża ta’ nies li għandhom ħafna flus li jixtru ammont kbir ta’ art bil-bdiewa ġo fih. Qed jixtruh mingħand is-sid, bil-bdiewa b’kollox, imbagħad jipprovaw jkeċċu lill-bdiewa għal skopijiet oħra.”

Fil-fatt huwa sejjaħ il-kwistjoni tal-qbiela bħala “l-ikbar theddida fuq is-settur agrikolu, mill-Indipendenza ‘l hawn.”  Anke wara li jikkunsidra l-problemi tal-pitkalija, tal-ilma, u l-isfida tat-tibdil fil-klima, din għalih hi l-ikbar theddida għax, “mingħajr art la jista’ jkun hawn bdiewa u lanqas prodotti.” Għalhekk l-Għaqda Bdiewa Attivi appellat il-każ konta J&C Properties f’isem il-bdiewa, bit-tama li din it-tkeċċija tiġi reveduta.

Allura kif għandna tiġi kkalkulata l-qbiela skont Malcolm Borg? Fuq l-istess mudell ta’ pajjiżi oħra, huwa spjega li l-art agrikola għandu jkollha valur b’formula differenti.

“Li jiġri barra minn Malta, il-valur tal-art tiġi kkalkulata fuq il-fatt li dik hija art agrikola u allura valur tagħha għandu jkun valur agrikolu fejn titqies il-produttività tal-art, mhux il-valur tar-real estate. “Imbagħad ħalli jħallas il-1% il-bidwi imma mhux fuq €80,000, fuq rata ħafna aktar baxxa li tixraq l-art.”

Qal ukoll li Malta għandna vantaġġ għax ħafna mir-raba’ huwa tal-Gvern, filwaqt li barra minn Malta, ħafna mir-raba’ huwa tal-privat. “Jiġifieri kieku jirraġunaw bħal ma tirraġuna l-Qorti Maltija, kieku lanqas jeżisti bidwi wieħed barra minn Malta,” temm jgħid Borg.

‘Jekk is-sid mhux se jingħata kumpens, mela l-bidwi jrid joħroġ minn hemm’ – Robert Musumeci

Nerġgħu nmorru lura għal każ tal-għalqa f’Ħaż-Żabbar fejn is-sid rebaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali wara li l-Qorti Kostituzzjonali sabet li l-liġi tal-qbiela mhux kostituzzjonali. 

Il-Qorti Kostituzzjonali taħdem fuq każi ta’ allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem, interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni u invalidità tal-liġi. Għaldaqstant biex nifhmu aħjar il-każ innifsu kontra dawn il-bdiewa u anke l-każijiet l-oħra li ġew miftuħa fl-aħħar xhur, il-gazzetta tkellmet mal-avukat u perit Robert Musumeci.

Huwa ddeskriva l-qbiela bħala “problema kostituzzjonali.”  Fil-fatt Robert Musumeci beda’ immedjatament jinsisti li l-liġi f’dan il-każ ma kinitx kostituzzjonali  għax is-sid inkisirlu d-dritt fundamentali tiegħu. Fost id-drittijiet fundamentali tal-persuna, hemm id-dritt li wieħed igawdi l-affarijiet tiegħu, f’dan il-każ, li s-sid igawdi artu. 

Huwa spjega li l-Istat jista’ jintervjeni, u jillimita dik it-tgawdija, iżda jrid ikun hemm interess pubbliku. Jekk il-Gvern jrid jieħu art u jagħmilha fly-over, jista’ għax dak interess pubbliku. Jekk il-Gvern jrid jieħu binja jista’ basta għal interess soċjali. B’dan f’moħħna, l-avukat jispjega li imbagħad il-Konvenzjoni Ewropea ma tiqafx hemm, “tgħid li jrid ikun hemm kumpens adegwat. Il-prinċipju tal-proporzjonalità.” Għalhekk beda’ dan kollu, għax is-sid qed titteħidlu l-art u mhux qed jiġi ikkumpensat b’mod adegwat.

Minkejja li l-gazzetta fakkritu li f’dan il-każ, l-art qed tiġi maħduma b’mod li tipprovdi ikel lill-poplu jekk hemm bżonn, Musumeci insista li hemm prinċipji oħra, lil hinn minn dawk morali. Tenna li s-sid irid jingħata kunpens u li dak il-kumpens bħalissa mhux jirrifletti bilanċ. Filwaqt li “jekk is-sid mhux se jingħata kumpens, mela l-bidwi jrid joħroġ minn hemm.”

Mistoqsi dwar proposti li ħarġu mill-partiti politiċi fix-xhur li għaddew li jsemmu State-Aid, Musumeci qal li la darba s-sid jiġi kumpensat sew, ma taffetwax minn joħroġ il-flus imma dik deċiżjoni politika legali.

Tajjeb infakkru li l-Ministru Refalo spjega lill-gazzetta ILLUM li ma jistax jingħata sussidju f’dan il-każ, bħal fil-każ tal-kirjiet l-antiki, minħabba li l-Unjoni Ewropea ma tippermettix għajnuna forma ta’ ‘State Aid’ sakemm mhux approvat min-naħa tagħha. 

Saħaq imma li xorta wieħed għandu jara jekk dak il-kumpens jkunx biżejjed, għax bħal mhu se jiġri bil-kirjiet l-antiki, “se jkollna nerġgħu nmorru fit-territorju legali.”

Il-gazzetta ILLUM spjegat l-argument ta’ Malcolm Borg fejn valur tal-art f’dan il-każ jkun valur agrikolu. It-tweġiba ta’ Musumeci kienet; “Il-valur la jagħtih Malcolm u lanqas jiena. Il-valur jagħtih is-suq.”

Dan ifisser li jekk fis-suq hemm nies li lesti jixtru l-art agrikola għal €100,000 jew €200,000 it-tomna mela dak hu l-valur tal-art. Hu żied jgħid li, “mhux x’jgħid Malcolm, mhux x’ngħid jien jew x’tgħid il-gazzetta, la s-suq jiddetta l-valur, l-bilanċ jiġi maħdum skont x’jidetta s-suq.”

Imfakkar mill-gazzetta li d-dritt tal-bidwi li jkompli jaħdem l-art sabiex mhux biss jgħajjex lil familtu iżda wkoll jipprovdi prodott Malti, Musumeci wieġeb li dik ukoll deċiżjoni politika. 

“Jekk il-politika trid tiddefendi lill-bidwi, mela ħalliha. Jekk il-politiku, bħal ma għażel li jipproteġi l-vulnerabbli fil-każ tal-kera’, jaqbeż għal bidwi, ħallih, biss is-sid irid jieħu kumpens.”

Xi żvelat il-gazzetta ILLUM sa issa? 

Il-ġimgħa l-oħra l-gazzetta ILLUM żvelat illi bħalissa l-Gvern qed jaħdem fuq il-liġi ġdida tal-qbiela, hekk kif bdiewa qed jispiċċaw jitkeċċew mill-art agrikola li jaħdmu mis-sidien tal-art, li ħafna drabi jkunu jridu ħlasijiet ħafna ogħla.

Fil-fatt il-Ministru Anton Refalo kkonferma dan mal-ILLUM filwaqt li żied jgħid li l-liġi, din id-darba, se tkun qed tirrispetta l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Jgħid ukoll li din hi kwistjoni li ħadd ma ried illi jsolvi u li ilha ġejja snin twal iżda “se jkun dan il-Gvern li jsolviha.”

Minn sena ilu bdejna nisimgħu bil-kontroversja tal-qbiela. Iktar kemm beda’ joqrob il-baġit, u imbagħad l-elezzjoni, iktar bdejna nisimgħu bil-qbiela. L-ewwel iċaqlaq partit u imbagħad tħarrek l-ieħor.

Minn Novembru tas-sena l-oħra ‘l hawn rajna fil-Qorti ta’ Malta 60 każ separat kontra l-bdiewa Maltin li jekk jinqatgħu kontrihom se jitkeċċew minn l-art agrikola li qegħdin jaħdmu fiha. 

Bħalissa f’Malta diġà teżisti liġi rigward il-qbiela, li tpoġġi l-interessi tal-biedwi fuq quddiem imma li sidien tal-artijiet issa qed jisfidaw, b’każ wieħed ta’ suċċess (Aqra iktar ‘il quddiem fl-artiklu). Minkejja din il-liġi, il-bdiewa bdew isibu ruħhom barra mill-art agrikola li jaħdmu.

Il-Ministru Refalo spjega lill-gazzetta ILLUM li ma jistax jingħata sussidju f’dan il-każ, bħal fil-każ tal-kirjiet l-antiki, minħabba li l-Unjoni Ewropea ma tippermettix għajnuna forma ta’ ‘State Aid’ sakemm mhux approvat min-naħa tagħha. Kien għalhekk li bħala alternattiva, Refalo beda’ jaħdem fuq liġi simili għal dik ta’ Franza.

More in Politika