In-nominazzjonijiet ta’ kandidati għall-elezzjonijiet Ewropej u lokali jiftħu illum

Sat-Tlieta filgħodu, il-listi uffiċjali bl-ismijiet tal-kandidati kollha jkunu pubbliċi, jekk kif in-nomini jgħalqu il-lejl ta’ qabel

Qed nisimgħu diġà b’ismijiet ta’ persuni illi se jkunu kandidati fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, bħal ma qed nisimgħu b’ismijiet, li forsi jkunu fuq il-karta tal-vot, iżda mhux ċerti.

Sat-Tlieta filgħodu, il-listi uffiċjali bl-ismijiet tal-kandidati kollha jkunu pubbliċi, jekk kif in-nomini jgħalqu il-lejl ta’ qabel.

Il-Kummissjoni Elettorali se tibda tirċievi nomini mill-kandidati illum, il-Ħamis 25 ta’ April fid-9am.

In-nomini jistgħu jiġu ppreżentati online fuq il-websajt tal-Kummissjoni Elettorali jew fiżikament fil-Kumpless tas-Sala tal-Voti, fin-Naxxar.

Il-kandidati jridu jħallsu depożitu ta’ €90 meta jippreżentaw in-nomina tagħhom u skont il-Kummissjoni Elettorali t-teħid ta’ ritratti jew filmati waqt is-sottomissjoni tan-nominazzjonijiet huwa ristrett.

Huma il-kandidati li jippreżentaw in-nomina tagħhom sas-7pm tat-Tnejn biss, illi se jkunu qed jidhru fuq karta tal-vot.

Fit-8 ta’ Ġunju, il-votanti se jkunu qed jagħżlu lis-sitt MEPs u kunsilliera biex jirrappreżentawhom f’kull waħda mit-68 lokalità madwar Malta u Għawdex.

Minbarra l-PL u l-PN, l-elezzjoni Ewropea s’issa se tkun ikkontestata wkoll mill-partiti politiċi reġistrati, ADPD, Volt, Imperium Europa u ABBA.

Diversi kandidati indipendenti wkoll se jkunu qed jitfgħu l-isimhom, fosthom il-politiku veteran Arnold Cassola u l-kummidjant James Ryder.

L-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali se jaraw kandidati mit-tliet partiti prinċipali u uhud indipendenti.

L-applikazzjonijiet onlajn jistgħu jintbagħtu mid-9am tal-Ħamis, 25 ta’ April sas-7.00pm tat-Tnejn, 29 ta’ April, 2024. Il-kandidati li jagħżlu li ma jħallsux id-depożitu ta’ €90 tagħhom online għandhom jiżguraw li jagħmlu dan bl-idejn sa mhux aktar tard mis-7.00pm tad-29. April.

Applikazzjonijiet fiżiċi jistgħu jintbagħtu fil-Kumpless tas-Sala tal-Voti fin-Naxxar u fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, il-Ħamis 25, il-Ġimgħa 26, is-Sibt 27, il-Ħadd 28 u t-Tnejn 29 ta’ April mid-9.00am sas-1.00pm, u mit-3.00pm sas-7.00pm.

Oġġezzjonijiet għan-nominazzjonijiet għandhom jintlaqgħu fl-istess uffiċċju matul il-ġranet u l-ħinijiet stabbiliti għan-nominazzjonijiet kif ukoll nhar it-Tlieta 30 ta’ April fl-istess ħinijiet.

More in Politika