Xbajt ġewwa? Ma jimpurtax! Ikri għalqa għal €280 fix-xahar u agħmel picnic!

Raba produttiv li minflok jipprovdilna l-ikel qed jispiċċa ġnien privat għan-nies biex il-familja jagħmlu picnic... 

Xbajt ġewwa? F’appartament daqs gallinar bla terrazin, bla bejt u b’tieqa waħda biss ‘l barra? Tħabbel rasek xejn! Dawn li ġejjin jaf jaqduk sew.

Art agrikola fil-Bidnija, nofs tomna, 500 metru, ideali għal ħarġa mal-ħbieb jew il-familja. Ideali wkoll jekk għandek it-tfal jew l-annimali għax imdawra sew b’ċint. Din tista’ tkun tiegħek għal €250 fix-xahar. “Ma naċċettawx kaċċaturi u nassaba.” 

Inti min-nofsinhar ta’ Malta u l-Bidnija wisq ‘l bogħod għalik? Ma jimpurtax! Għalqa f’Birżebbuġa, mhux kbira imma għandek kamra bil-permess,  tajba għal camping jew BBQ mal-ħbieb. €280 fix-xahar biss!

Ridt xi ħaġa irħas? Fhimtek, għandi oħra imma għaġġel jekk tridha għax id-domanda għalihom dawn l-artijiet hija kbira. €85 fix-xahar u tkun tiegħek. Għalqa, 300 metru, bil-veduta tal-wied, imma bla kamra.

Aqta Fjura u ibni kamp...

Realta ġdida li hawn Malta saret tiddomina s-suq. Sempliċiment tikteb ‘għalqa’ fuq Marketplace u jitilgħu numru kbir ta’ għelieqi mibjugħa bi prezzijiet esseġerati jew agħar, raba’ saqwi mikri għar-rikreazzjoni. Ovvjament la ssib in-nies li kapaċi jixtru żewġ tomniet raba’ bl-istess prezz ta’ palazz fin-Naxxar, mela s-sidien la se jieqfu jieħdu l-għalqa tal-bidwi u wisq inqas se jieqfu jbigħuhom jew jikruhom b’dan il-mod. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ żewġ sensara, bl-ewwel wieħed jgħid li ra żieda ta’ nies waqt il-pandemija li xtraw l-għelieqi. It-tieni sensar qabel ma’ ta’ l-ewwel iżda żied jgħid li nnota wkoll żieda ta’ nies li jixtru djar bi ġnien jew bitħa. 

Fil-qasir, id-domanda żdiedet, is-sidien qed jaraw din l-opportunità u qed jaħtfuha. Bidwi rrakonta mal-ILLUM li s-sid saħansitra ġie mill-Awstralja biex jieħu l-art lura u jkun ċert li telaq minnha.

Din tista’ tkun waħda mir-raġunijiet għaliex bdiewa qed jitkeċċew mill-artijiet li jaħdmu bi qbiela mis-sidien, minkejja li probabbilment is-sidien mhux se jaħdmu l-art u f’ċerta każi l-art lanqas biss tista’ tiġi żviluppata. Il-gazzetta ILLUM ilha għal dawn l-aħħar tlett ġimgħat issegwi l-kwistjoni tal-qbiela u fil-fatt żvelat li l-Ministru Anton Refalo qed jaħdem fuq liġi ġdida biex il-bdiewa ma’ jibqgħux jiġu żgumbrati.

‘L-agrikoltura x’nambuha?’

Pero’ tibża xejn jekk inti ma fhimtx l-importanza wara din l-kawża. Miegħek kien hemm ukoll maġistrati, li skont sorsi li tkellmu mal-ILLUM f’nofs smigħ fil-Qorti, staqsew lil bidwi “imma għalfejn hemm bżonn l-agrikoltura?”

Mela ejja nagħtu ħarsa malajr għaliex hemm bżonn l-agrikoltura, ir-raħħal u l-bidwi u forsi wara nifhmu wkoll għaliex il-kwistjoni tal-qbiela hemm bżonn tiġi solvuta kemm jista’ jkun malajr.

Jaf bil-ħajja mgħaġġla tal-lum, persuna fil-kċina tfittex li teħles u tagħżel ħaxix u frott iffriżat minflok dawk friski. Forsi l-bidwi mhux dejjem qed joffri dik il-konvenjenza, iżda l-bidwi flimkien mar-raħħal u s-sajjied qed jipprovdi l-prodott frisk.

Sintendi mhux ngħidu li l-frott u l-ħaxix ta’ barra hu ħażin iżda wieħed irid iżomm f’moħħu li ikel lokali se jkun aktar nuttritiv. Mhux se jkun maħżun għal xhur ġo xi friża u minsi sakemm id-domanda titlob għalih. Mhux se jkun mkabbar barra mill-istaġun. Fuq kollox mhux se jkun mimli bl-istess ammont ta’ pestiċidju, għax f’Malta l-bidwi għandu regolamenti stretti ma’ xhiex jimxi.

Forsi hu punt li kulħadd jinsa’ iżda f’nofs kriżi bħal Covid-19, kien hemm pajjiżi sħaħ li għażlu li ma jesportawx. Kien hemm pajjiżi li lanqas biss kellhom riżors uman sabiex jkomplu jaħdmu ċereali bħal qamħ u r-ross. F’estremità, li għal grazzja t’Alla ma għaddejniex minnha, fejn l-importazzjoni tonqos b’mod konsiderevoli, għand minn konna se nduru? Mhux fuq il-bidwi, r-raħħal u s-sajjied? Ma kellhiex għalfejn tkun pandemija biex tfakkar kemm hi importanti provvista b’saħħitha tal-ikel.

Nfakkru wkoll li l-istat tal-agrikoltura jirrifletti l-futur. Fejn jidħol it-tniġġis u t-tibdil fil-klima, l-ambjent u l-agrikoltura jsofru l-aktar malajr u bl-aktar konsegwenzi ċari. Jekk ma jsirux bidliet effettivi, l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-agrikoltura se jaffetwa saħansitra l-ekonomija tal-pajjiż. Biex wieħed ikollu idea aħjar dwar fejn se tispiċċa l-umanità, jista’ faċilment iħares lejn l-agrikoltura. X'qed isir biex nadattaw għal klima li qed tinbidel malajr? Kif se tidher il-provvista tal-ikel tagħna? L-istat li fih qegħda l-agrikoltura tagħna huwa test tajjeb ta’ kif nistgħu nistennew li jidher il-futur. 

More in Politika