X’se jfittex il-Malti fl-elezzjoni meta jivvota?

Il-gazzetta ILLUM tinvestiga l-profil tal-votant u jipprova jifhem x’se jkunu l-iktar ħwejjeġ saljenti meta jiġi biex jivvota għal partit jew ieħor 

Bla dubju ta’ xejn l-aħħar żewġ elezzjonijiet, dik ġenerali u dik tal-parlament Ewropew, urew fenomenu ġdid fl-elettorat Malti. Qed nitkellmu fuq il-massa ta’ votanti ta’ bejn sittin u sebgħin elf li għażlu li ma jivvutawx. Dawn se jkunu determinanti għar-rebbieħ jew inkella għat-tip ta’ rebħa. S’issa s-sondaġġi qed juru li l-Labour se jirbaħ, il-vantaġġ numeriku tal-Labour huwa bejn 8,000 u 24,000 skont liema sondaġġ tagħti kas; dak tal-MaltaToday iktar konservattiv minn dak ta’ Vincent Marmara. Xorta waħda hemm mistoqsija kbira x’se jagħmlu dawk il-votanti li ma jridux jivvutaw. Fuq din ħadd ma jaf fiċ-ċert. 

Biex nitkellmu fuq dawn il-votanti, irridu napprezzaw li l-Labour u l-PN għandhom grupp ta’ votanti leali immens u dawn dejjem jibqgħu determinati li jivvutaw għall-partit tagħhom. Imma mis-sondaġġi jidher li hemm aktar votanti Laburisti minn dawk li vvutaw fl-aħħar tliet elezzjonijiet li qed jgħidu li mhux se jivvutaw għall-Partit tagħhom. Aktarx meta jsaffar is-suffara Robert Abela, dan in-numru jonqos bil-kbir. 

Min-naħa l-oħra Alex Borg irnexxielu jagħti tama lil dawk in-Nazzjonalisti li kien tilfu l-interess fil-partit tagħhom u kienu jew għażlu li ma jivvutawx jew anke jivvutaw għal partit ieħor.  

Il-mewġa favur it-tielet partit jidher li mhux qiegħda hemm, għalkemm ċertament id-deċiżjoni li l-ADPD tingħaqad mal-Momentum tista’ ttellef il-partiti l-kbar imma l-iktar il-PN. 

Il-preżenza ta’ partit lemini, sparixxa hekk kif il-karattru ta’ Norman Lowell għeb għalkollox u ma jeżisti l-ebda persuna kariżmatika lemini biex jattira l-voti tal-lemin. 

Huwa għalhekk li l-mexxejja taż-żewġ partiti ewlenin qed jiffukaw fuq dawk l-eluf li qed jgħidu li ma jridux jivvutaw. U minn sondaġġi jidher li fost l-iktar suġġetti li qed jinkwieta jew idejjaq lil dawn il-votanti nsibu l-kontabilità u l-ipokrezija politika, l-ambjent u l-kostruzzjoni, it-traffiku, il-popolazzjoni u l-iffullar, kif ukoll il-fatt li ċerti riformi soċjali baqgħu fuq l-ixkaffa. 

Min-naħa l-oħra Abela għandu l-vantaġġ kbir li jista’ jiftaħar li żamm l-ekonomija fuq pilastri sodi u ġab stabbilità, Borg min-naħa l-oħra jixhed politika żagħżugħa u friska. 

Il-profil demografiku ta’ dawn il-votanti huwa u ta’ edukazzjoni postsekondarja u taħt l-54 sena.  

Hemm ukoll stmerrija għall-fatt li ħafna mill-politika tal-partiti fuq temi partikolari mhumiex daqstant ċari. Fuq kollox hemm dilemma fuq kemm huma serji l-partiti politiċi fuq il-pressjoni tal-iżviluppaturi fuq il-klassi politika u kemm huma serji l-partiti biex jintroduċu miżuri fejn pajjiżna verament jintroduċi miżuri favur l-ippjanar u l-komunitajiet. S’issa ma jafdawx la lil Abela u lanqas lil Borg fuq hekk. 

Fuq il-kwistjoni tal-popolazzjoni u t-trasport, hemm dubji minn dawn il-votanti, jekk il-partiti għandhomx soluzzjonijiet reali. 

U fuq riformi soċjali, iż-żgħażagħ minn dawn il-votanti jibqgħu xettiċi jekk il-partiti inkluż il-Labour għandhomx ir-rieda biex imexxu fuq l-abort u l-ewtanasja kif ukoll ċerti temi ambjentali. 

F’din il-kampanja elettorali, bla dubju ta’ xejn il-PL għandu vantaġġ ċar, għandu tim aktar ikkulurit u matur, fosthom il-persunaġġi bħal Clyde Caruana, Ian Borg u Miriam Dalli. Fuq in-naħa l-oħra ma jidhirx li hemm personalitajiet tal-istess kalibru, għalkemm politiċi bħal Darren Carabott u Joe Giglio jispikkaw. 

Ħadd mill-partiti ma jidher li għandu xi ‘star candidates’. Konferma oħra kemm il-politika mhux qed tattira nies ta’ kwalità. 

Il-mistoqsija l-oħra hija dwar it-tip ta’ kampanja elettorali. Il-PL u l-PN se jagħmlu kampanja presidenzjali jew kampanja ta’ tim? Robert kontra Alex? Jew tim kontra tim?  

Jekk il-Labour jagħżel li jixpruna kampanja ta’ tim, ifixklu lil Alex Borg għax ma jkunx jista’ jippreżenta tim ta’ ċertu standard. 

Fattur ieħor f’din il-kampanja huma s-sorpriżi jew l-iskandli li jistgħu jinqalgħu, imma dawn irid ikollhom il-portata jew il-gravitas li jinfluwenzaw sew il-votant jew vi jew va. Imma dawn is-sorpriżi ħafna drabi mhux dejjem jaħdmu kontra l-gvern tal-ġurnata. 

 

More in Politika