Xtara l-art u ma kienx infurmat li qed tinħadem bi qbiela... Qerq f’bejgħ ta’ art agrikola

L-Għaqda Bdiewa Attivi tappella sabiex xerrejja joqgħodu attenti x’qed jixtru u jekk hemm bżonn jagħmlu riċerka fuq min qed jaħdem l-istess art... 

Żewġ sidien ta’ art b’kirja agrikola, allegatament biegħu arthom lil sidien ġodda, bil-bdiewa fihom. L-istorja pero’ ma tieqafx hemm, għax is-sidien inkwistjoni, għamlu dan il-bejgħ b’mod illegali hekk kif ma nfurmawx lis-sid potenzjal ġdid illi l-għalqa tinkera bil-qbiela lil bidwi ieħor. 

Kien il-fundatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg li żvela dan mal-gazzetta ILLUM. Huwa qal li s’issa l-għaqda saret taf b’żewġ każijiet fejn is-sidien ġodda ikun mingħalihom li l-art li xtraw hi ħielsa, iżda wara jsiru jafu li mhux talli hi mikrija, talli ma jistgħu jagħmlu xejn b’dik l-art. 

F’waħda mill-każi, l-art kienet mibjugħa permezz ta’ aġenzija tal-proprjetà, u s-sid lanqas lilhom ma informa li l-art qed tiġi mikrija lill-bidwi u b’hekk irnexxilu jqarraq b’kulħadd. 

Meta jinbidel sid l-art, il-kuntratt mal-bidwi jintiret 

Borg qal mal-ILLUM li sa ċertu punt bħala għaqda kienu kważi draw jaraw sid ibigħ art lil persuna oħra mingħajr ma jagħti notifika lill-bidwi ta ġo fiha. Huwa rrakonta ma’ din il-gazzetta, stejjer ta’ bdiewa li marru l-għalqa sabiex jibdew ġurnata ħidma u ma’ wiċċhom sabu s-sid il-ġdid jitlobhom flejjes kbar sempliċiment għax “il-kundizzjonijiet inbiddlu malli nbiddel is-sid.” 

Kien hawn fejn il-gazzetta għamlet kuntatt mal-avukat Errol Cutajar, li bħalissa qed jirrappreżenta lil numru ta’ bdiewa li jaħdmu art bi qbiela, sabiex tifhem aħjar l-aspett legali. 

Nibdew b’dan il-każ. Cutajar spjega kif jekk dik l-art is-sid irid ibigħha, jista’ jbigħha għax fl-aħħar minn l-aħħar dik artu u ħadd mhu se jgħidlu x’jagħmel biha. Sintendi forsi kienet tkun iktar etika kieku s-sid offra lil bidwi l-ewwel sabiex jixtri dik l-art. B’dan f’moħħna, Malcolm Borg u anke organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu qrib il-bdiewa jgħidulek li fl-aħħar minn l-aħħar hija rari ħafna li ssib bidwi bi flus biżżejjed imġemma biex jixtri art li probabbilment diġà hi iktar għolja milli suppost tkun. 

Issa jekk dak il-bidwi, sab ruħu taħt sid ġdid, il-kuntratt li kien eżistenti bejnu u bejn is-sid l-antik, jibqa’ għaddej normali. Mhux vera li l-kirja agrikola tista’ tinbidel minħabba li s-sid inbidel. Fil-fatt Cutajar jispeċifika li mhux biss ma togħlix il-kirja iżda il-kuntratt sħiħ jintiret mis-sid il-ġdid u l-bidwi jibqa’ protett bil-liġi. 

‘Il-bejjiegħ irid jagħti garanzija li l-proprjeta hija ħielsa mill-pussess’  

Issa pero’ kif diġà spjegajna, l-istorja qed tiżvolġi f’att kriminali. Din id-darba s-sid mhux biss ma qalx lil bidwi li se jbigħ l-art, iżda ma qalx ukoll lis-sid il-ġdid li l-għalqa li għadu kif xtara qed tinkera minn bidwi bil-qbiela. 

F’dan il-każ, is-sid qarraq bix-xerrej, għax wara li ħallas dawk l-eluf kollha, dak il-persuna ma jista’ jagħmel xejn iktar b’dik l-art, ħlief itella’ l-bidwi fil-Qorti Kostituzzjonali talli “qiegħed iwaqqfu milli jgawdi l-propjetà” li għadu kemm xtara. Mistoqsi dwar dan Errol Cutajar qal li hemm għażla oħra. 

“Meta wieħed jbiegħ, skont il-liġi għandu jagħti il-garanzija tal-paċifiku pussess, u b’hekk juri li l-proprjetà hija ħielsa mill-pussess. Allura jekk tkun imqabbla lill-bidwi u ma jgħidlux lix-xerrej, ix-xerrej ghandu dritt jieħu azzjoni kontra l-bejjiegħ u b’hekk iwaqqa’ l-kuntratt.” 

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Għaqda Bdiewa Attivi tappella biex xerrejja ġodda joqgħodu attenti x’se jixtru u jekk ikun hemm possibilità jiċċekjaw jekk l-art li beħsiebhom jixtru hux vera ħielsa jew le.  

X’tgħid il-liġi tal-qbiela? 

Lura fl-1967, il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien għamel liġi biex jipproteġi l-bdiewa. Il-liġi kienet tgħid li s-sid ma jistax ikeċċi lill-bidwi diment li ma jkunx hemm prova li s-sid għandu bżonnha aktar mill-bidwi. Fil-fatt kien hemm każijiet fil-passat, fejn sid prova jkeċċi lill-bidwi imma meta l-Qorti rat li l-bidwi għandu bżonnha aktar mis-sid, il-Qorti qatata favur il-bidwi.   

Il-liġi kienet tgħid ukoll li l-qbiela ma tistax togħla. Dan biex tippreveni li s-sid iqum għodwa waħda u jiddeċiedi li jrid jgħolli l-prezz sabiex ikeċċi b’mod indirett lill-bidwi. Fl-aħħar il-liġi kienet tgħid ukoll li l-qbiela tintiret. Il-bidwi hawn kellu d-dritt li din il-kirja, jgħaddiha lit-tifel jew lit-tifla tiegħu. 

More in Socjali