Il-Beltin mhux se joqogħodu siekta ... għall-Qorti fuq il-mużika sas-1am

Il-Valletta Residents Revival Group jisħaq mal-gazzetta ILLUM li bħalissa għaddej bid-diskussjonijiet u bil-pjanijiet tiegħu bil-għan li ma jħallix din il-kwistjoni torqod u mhux jeskludi li lest jieħu passi legali kontra l-Gvern 

Grupp ta' residenti Beltin ma jidhirx li se jċedu malajr għall-Avviż Legali li estenda l-mużika fil-Belt Valletta sas-siegħa ta’ filgħodu tant li bħalissa qed jieħdu pariri legali bil-għan li jieħdu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti. 

Kelliem għall-Valletta Residents Revival, grupp fuq Facebook li jiġbor fih xejn inqas minn 600 resident mill-Belt Valletta, qal mal-gazzetta ILLUM li ġew avviċinati minn avukat li lest jgħin lir-residenti Beltin jkomplu jiġġieldu din il-ġlieda. 

Fil-fatt, bħalissa għaddejin id-diskussjonijiet bil-għan li jistabbilixxu liema tkun l-aħjar triq legali li jaqbdu. Dwar dan saru diversi laqgħat. 

It-tir huwa li fil-ġimgħat li ġejjin, jieħdu l-kwistjoni tagħhom quddiem il-Qorti, ġaladarba l-Gvern ma jidhirx li se jiċċaqlaq minkejja l-oppożizzjoni b’saħħitha li kien hemm kontra dan l-Avviż Legali, inkluż mill-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-lukandiera u lis-sidien tar-ristoranti. 

“Żgur li mhux se norqdu fuq din il-kwistjoni. Qed niddiskutu u fi żmien opportun se nieħdu l-passi kollha neċessarji,” insista kelliem għall-grupp ta’ residenti Beltin. 

L-Avviż Legali ddaħħal ħabta u sabta mingħajr konsultazzjoni ta’ xejn ix-xahar li għadda u qajjem rabja kbira fost għadd ta’ residenti Beltin. Bil-liġi l-ġdida, l-istabbilimenti fil-Belt Valletta jistgħu jibqgħu bil-mużika fuq barra wara l-11pm iżda “f’livell moderat.” 

Madanakollu, ir-residenti qed jisħqu li l-Avviż Legali huwa vag għax minkejja li jgħid “livell moderat” jibqa’ ma jispjegax eżatt dan xi jfisser u għalhekk huwa l-istabbiliment li jiddeċiedi għalih innifsu kemm għandha tkun għolja jew baxxa l-mużika wara l-11pm. 

F’kummenti ma’ din il-gazzetta, is-Sindku Belti Alfred Zammit, li lanqas ma kien ikkonsultat dwar dan l-Avviż Legali, kien qal li dan ifisser li wara l-11pm trid tieqaf il-mużika live u l-istabbilimenti jħallu biss ‘backround music’ li tinstema’ minn dawk li jkunu fuq l-imwejjed. 

Madanakollu, jekk wieħed jara l-filmati li r-residenti bagħtu lil din il-gazzetta u anke dawk li ġew ippubblikati fuq gruppi fuq Facebook, il-verità hija xorta oħra. Il-mużika qed tibqa’ għolja anke wara l-11pm u kien hemm stabbilimenti li baqgħu għaddejin anke bil-mużika live, daqq, kant u żfin. 

‘L-Avviż Legali jgħodd għall-kunċerti u tiġijiet ukoll?’ 

Propju għalhekk li r-residenti mhux se jċedu, għax fi kliem il-kelliem tal-Valletta Residents Revival hemm stabbilimenti li mis-seba qed jieħdu l-id. 

“Ara l-filmati tan-nies u tinduna kemm hemm abbużi. L-esaġerazzjoni dejjem ħażina,” insista. 

Tenna li l-Avviż Legali jħalli lok għal interpretazzjoni wiesgħa. Saħaq li lanqas ma jgħid jekk hux qed jirreferi biss għall-istabbilimenti bħar-ristoranti u l-bars jew inkella għal kwalunkwe attività li ssir il-Belt Valletta. 

Semma attivitajiet li jsiru fuq il-bejt tal-Sala tal-Mediterran għall-Konferenzi, li jiġi fl-istess livell mal-gallariji ta’ residenti li jgħixu fil-viċin u anke attivitajiet oħra bħal kunċerti u tiġijiet f’diversi bnadi tal-Belt. 

“L-Avviż Legali jgħodd għal dawn ukoll? Anke dawn jistgħu jibqgħu għaddejin bil-mużika sas-siegħa ta’ filgħodu?”, kompla jisħaq l-istess Kelliem. “Qed insiru dejjem aktar storbjużi fl-attivitajiet li nagħmlu.” 

Insista li ma hemm l-ebda konsiderazzjoni għall-interessi u l-bżonnijiet tar-residenti fl-affarijiet u l-attivitajiet li jiġu organizzati fil-Belt Valletta. 

“Anke l-Jazz Festival. Vera li mhux mal-lejl, imma l-provi tas-sound hemm bżonn tagħmilhom fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar meta jkollok anzjani jidħlu jistrieħu?” kompla jisħaq. 

Laqgħa dalwaqt mas-sidien tal-Boutique Hotels 

Kien hawn li saħaq li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Valletta Residents Revival u anke diversi stakeholders kollha bil-għan li dwar din il-kwistjoni jagħqdu l-forzi u jaħdmu flimkien. 

“Kuntrarjament għal dak li għamel il-Gvern, aħna qed inpoġġu madwar mejda u niddiskutu,” insista. 

Fil-fatt, fost oħrajn, fil-jiem li ġejjin se tkun qed issir laqgħa formali wkoll mas-sidien tal-Boutique Hotels li ħafna minnhom ma huma kuntenti xejn b’dan l-Avviż Legali. 

X’ġara fl-aħħar ġimgħat? 

Wara li ħareġ l-Avviż Legali, ir-residenti Beltin ipprotestaw bi kbir u saħansitra ħeġġew lill-Kunsill Lokali biex jieħu pożizzjoni. 

Is-Sindku Alfred Zammit kien qal mal-gazzetta ILLUM li se jkun qed jitlob lill-Gvern biex jiċċara l-Avviż Legali u biex il-mużika tas-siegħa titħalla biss bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd. Madanakollu, dwar dan il-Kunsill Lokali ma għamel xejn. 

Minflok kienet saret laqgħa tal-Kunsill, li għaliha attendew għadd ta’ residenti. Din il-laqgħa spiċċat b’ħafna għajjat u tisbit fuq il-mejda u anke ġlied bejn is-Sindku u l-Viċi Sindku u l-Kunsill Lokali baqa’ ma ħa l-ebda pożizzjoni dwar dan, minkejja l-insistenza mill-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista biex il-Kunsill Lokali jitlob li dan ikun irrevokat. 

Il-gazzetta ILLUM, kienet talbet kemm lid-Deputati Laburisti tal-Ewwel Distrett u anke lill-kunsilliera Laburisti tal-Belt biex jagħtuha l-pożizzjoni tagħhom. Ħadd minnhom ma wieġeb. 

Għad-Deputati, kien wieġeb il-Partit Laburista jgħid li l-Avviż Legali joħloq bilanċ.  

Kien għalhekk li l-ILLUM marret direttament Kastilja tistaqsi wkoll lill-Prim Ministru Robert Abela jekk il-Gvern setax jikkonsulta aktar biex jinħoloq bilanċ aħjar. Madanakollu, il-Prim Ministru wieġeb biss li l-Avviż Legali diġà ħoloq il-bilanċ meta jgħid li wara l-11pm għandu jkun hemm “mużika moderata.” 

Eventwalment, il-Partit Nazzjonalista kien ressaq mozzjoni fil-Parlament biex l-Avviż Legali jkun irrevokat. Meta ttieħed il-vot, id-Deputati kollha tal-Partit Laburista vvotaw kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. 

Kien hawn li ħarġet kontra l-Avviż Legali anke l-Assoċjazzjoni Maltija għar-Ristoranti u l-Lukandi tisħaq li dan l-Avviż Legali se joħloq ir-riskju li l-Belt tinbidel f’Paceville ieħor u dan għad-dettriment tal-investiment li l-membri tagħha għamlu fil-Belt Valletta. 

Il-Ħadd li għadda, din l-istess gazzetta ppubblikat sondaġġ xjentifiku li juri kif 60% tal-Maltin ma jaqblux ma’ dan l-Avviż Legali. 

Aqra hawn aktar dwar ir-raportaġġ tal-ILLUM dwar dan is-suġġett:

More in Politika