'Dan mhux każ ta' femiċidju biss iżda ta' vjolenza fuq l-ulied, li ttiħditilhom ommhom f'età daqstant żgħira'

Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa jappella biex jieqfu l-istqarrijiet, tittieħed azzjoni u nsalvaw il-ħajjiet

Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa (NCW) tikkundanna kull att ta' vjolenza kemm dak fiżiku, psikoloġiku u verbali. Dan qalu fi stqarrija fid-dawl tal-femiċidju tal-omm Bernice Chetcuti li nqatlet kmieni ilbieraħ filgħodu, allegatament minn żewġha stess. NCW jistaqsi kif minkejja l-kuxejnza li tqajmet fl-aħħar snin - permezz tal-liġi tal-femiċidju, ir-rapporti fil-pulizija u anke saħansitra protesti - il-vjolenza tibqa’ tipperisiti. Dan il-Kunsill qal li dan mhux biss każ ta’ femiċidju iżda din hija forma ta' vjolenza fuq l-ulied li ttiħditilhom ommhom t’età daqstant żgħira.

“Qed infallu lil dawn in-nisa!” qal il-Kunsill. Intant appella lill-Gvern għal aktar azzjoni bil-għan li titranġa s-sitwazzjoni biex mara ma jkolliex għalfejn tistenna xhur jew snin biex jinstemgħu l-kawżi tagħhom fil-Qorti, “u meta jinstema’ l-każ tkun diġà marret għand Alla.” 

Il-Kunsill Nazzjonali qal li l-ħajja tal-omm żagħżugħa ġiet mitmuma ħabta u sabta, minekkja l-ordni ta’ protezzjoni, maħruġa mill-Qrati ta’ Malta. “Mhux biss ġiet abbużata bil-vjolenza fiżika u psikoloġika iżda sfat maqtula minn missier uliedha,” qal il-Kunsill. Apparti minn hekk fakkru li x-xahar ta’ Novembru huwa ddedikat biex infakkru l-mejtin b’mod ġenerali iżda huwa x-xahar li fih infakru n-nisa “li bħal Bernice inqatlu bi vjolenza minn membru tal-familja.” 

Temmew jgħidu li, “issa wasal iż-żmien biex nieqfu noħorġu l-istqarriji, tittieħed azzjoni u nsalvaw il-ħajjiet.” 

  • Aqra aktar fuq dak li ntqal fuq dan il-każ: Hawnhekk.

More in Socjali