Julian Fenech jirbaħ il-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2025

Julian Fenech, tifel ta’ 11-il sena mill-Iskola Primarja ta’ Ħal Lija, rebaħ il-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2025 

Ritratt: Jaelle Borg/Illum
Ritratt: Jaelle Borg/Illum

Julian Fenech, tifel ta’ 11-il sena li jattendi l-Iskola Primarja ta’ Santa Tereża f’Ħal Lija, hu r-rebbieħ tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija għas-sena 2025. Dan il-premju prestiġjuż, organizzat mil-Laboratorju tal-Paċi, jingħata lit-tfal li juru qalb tajba, altruwiżmu u sens qawwi ta’ ġustizzja soċjali fl-ambjent edukattiv u lil hinn minnu. Il-premju se jiġi ppreżentat mill-President tar-Repubblika, l-Eċċellenza Tagħha Dr Myriam Spiteri Debono, li se tgħaddi l-medalja tad-deheb f’ċerimonja speċjali. 

Meta din il-gazzetta tkellmet ma’ Julian fl-iskola tiegħu f’Ħal Lija staqsietu x’ħass meta sar jaf li rebaħ il-premju u b’umiltà qal: “Ħassejtni sorpriż ħafna. Il-ġenituri tiegħi kienu ferħanin immens li rbaħt dan il-premju. Qatt ma kont qed nistenna li nirbaħ, lanqas kont naf li teżisti din il-ħaġa!” 

Meta mistoqsi jekk kienx hemm xi ħadd li ispirah biex ikun tifel tajjeb, b’mod naturali wieġeb: “Għallmuni l-ġenituri tiegħi, l-iscouts, u ovvjament is-Surmast tal-iskola u l-għalliema tiegħi.” 

Julian jirrifletti maturità li tmur lil hinn mill-età tiegħu. Għalih li tkun “tajjeb” ifisser: “li tgħin lil ħaddieħor u ma tħalli lil ħadd barra. Pereżempju, jekk tkun qed tilgħab xi logħba, trid tgħid lil ħaddieħor biex jingħaqad magħkom u mhux tinjorah.” 

Julian semma episodju li juri kemm għandu sens qawwi ta’ inklużjoni: “Darba s-Surmast kien qed jitkellem bil-Malti u ħdejja kien hemm xi ħadd li ma tantx jifhem. Allura bdejt nitkellem bl-Ingliż biex dik il-persuna tifhem x’qed jingħad.” 

Tkellimna wkoll ma’ diversi ħbieb ta’ Julian li kollha kkonfermaw kemm huwa tifel speċjali. Fost dawn kien hemm Terine Tahruni li qalet: “Julian huwa tifel tajjeb u ubbidjenti. Dejjem lest biex ikun hemm fil-pjaċir u anke fil-ħażin.” 

Matteo Zammit, li wkoll qiegħed fl-istess klassi ta’ Julian, iddeskrivieh bħala: “Ħabib ta’ veru, għandu qalbu tajba ħafna, u naħseb li f’ħajtu se jkollu suċċess kbir. Ħadt gost ħafna li rebaħ dan il-premju.” 

Ħabib ieħor tiegħu Jayden Micallef spjega kif Julian jgħin b’mod konkret: “Darba kien hemm xi tfal li ma fehmux bil-Malti, u Julian beda jispjega bl-Ingliż biex jgħinhom. Qalbu tajba u jixraqlu dan il-premju.” 

Daniel Cilia kompla jgħid: “Julian hu ħabib tajjeb. Qatt ma tarah jiġġieled u dejjem jitbissem. Anke l-iskola meta nilagħbu, ma jagħżilx ma’ min se jkun, jilgħab ma’ kulħadd.” 

Yeshua Borg, ħabib ieħor tal-qalb għal Julian, kemm fl-iskola, kif ukoll barra minnha, għalaq hekk: “Julian persuna tajba wisq. Dejjem lest biex jgħin lil ħaddieħor u għandu qalbu tajba ħafna. Diffiċli ssib lil xi ħadd bħalu u jien inħossni grat li għandi lilu bħala ħabib.” 

Ritratt: Jaelle Borg/Illum
Ritratt: Jaelle Borg/Illum

Is-Surmast Lawrence Darmanin, waqt l-intervista, iddeskriva lil Julian bħala tifel li jispira. “Julian jgħallimna lezzjoni importanti ħafna. B’dik in-naqra tbissima, mingħajr daqq ta’ trombi, dejjem lest biex jgħin lil ħaddieħor.” 

Kompla jgħid: “Pereżempju, jekk jiġu tfal ġodda li qed isibuha diffiċli biex jintegraw, Julian ikun hemm biex jgħinhom. Jekk ikun hemm xi attività u xi tfal ma jkunux ġabu l-affarijiet meħtieġa, Julian iġib affarijiet żejda minn daru biex ħadd ma jibqa’ barra.” 

Premju li jirrifletti l-valuri tal-iskola 

Is-Surmast spjega wkoll kif dan il-premju jikkumplimenta l-valuri tal-iskola: 
“F’Ħal Lija qed naħdmu fuq pjan ta’ Positive Behaviour Management fejn inqisu u nippremjaw l-imġiba pożittiva. Dan il-premju jikkumplimenta wkoll it-tielet Pilastru tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni — dak tal-inklużjoni. Julian hu eżempju ċar ta’ kuxjenza soċjali.” 

Lil Julian staqsejnieh ukoll x’messaġġ għandu għal tfal oħra li bħalu jistgħu jkunu ta’ għajnuna. Qal b’ġentilezza u b’paċenzja: “Nixtieq li jgħinu lil ħaddieħor, speċjalment lil dawk li ma jifhmux il-Malti jew l-Ingliż. Kull wieħed u waħda minna jista’ jagħmel differenza żgħira li tfisser ħafna.” 

Julian Fenech mhux biss rebaħ premju; huwa simbolu ta’ tama u ġenerożità fil-qalba tal-komunità edukattiva tagħna. F’dinja fejn ħafna drabi l-valuri tal-empatija u l-inklużjoni jintilfu, huwa tifel li jfakkarna kemm affarijiet żgħar jistgħu jħallu impatt kbir.  

Il-ġesti żgħar li jagħmlu dawn it-tfal — minn kliem ta’ faraġ sa għajnuna konkreta — jistgħu jħallu impatt kbir fuq ħaddieħor. Huma dawn il-valuri li jfasslu komunità iktar inklużiva, b’saħħitha u umana. 

More in Socjali