Il-fekruna Johanna terġa’ lura għat-tieni bejta ta’ din is-sena

Il-fekruna Johanna, tirritorna fir-Ramla l-Ħamra għat-tieni bejta tagħha

Ritratt: Wildlife Rescue Team
Ritratt: Wildlife Rescue Team

Ramla l-Ħamra rat ritorn spettakolari aktar kmieni dalgħodu hekk kif il-fekruna magħrufa bħala Johanna għażlet din il-bajja Għawdxija biex tpoġġi t-tieni bejta tagħha għal dan l-istaġun.

Kien għall-ħabta tal-1am li voluntiera fuq duty li kienu qed jissorveljaw 'Nest 3', innutaw fekruna Loggerhead  tiela'  fuq il-bajja.  L-awtoritajiet ġew infurmati minnufih – inkluża l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) – li flimkien mal-uffiċjali preżenti, marru fuq il-post sabiex jivverifikaw l-eżistenza ta’ bejta ġdida.

Wara li ntemmet il-proċedura, il-fekruna ġiet eżaminata u ġew ikkonfermati d-dettalji tagħha permezz ta’ microchip. Kien b’ferħ kbir li l-uffiċjali skoprew li kienet l-istess fekruna – Johanna.

Dan l-iżvilupp issa jfisser li l-għadd totali ta’ bejtiet f’pajjiżna għal din is-sena tela’ għal erbgħa – żieda notevoli meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena l-oħra, fejn konna bdejna b'bejta waħda biss. Dan jagħti tama għal staġun promettenti għall-fekruni ta’ Malta u Għawdex.

Appell għall-voluntiera

Għaqdiet ambjentali qed jappellaw għal aktar għajnuna minn voluntiera biex ikunu jistgħu jkomplu jissorveljaw u jipproteġu dawn il-bejtiet tant delikati.

Min jixtieq jgħin f’Għawdex, jista’ jibgħat messaġġ fuq [email protected], filwaqt li dawk f’Malta jistgħu jikkuntattjaw [email protected].

 

More in Socjali