'Aktar ma kien jagħtih flus, aktar kien jabbużah'; Dun Ġużepp Cini taħt att ta' akkuża

L-eks Kappillan qed ikun akkużat li stupra abbati meta dan kellu madwar tmien snin

Dun Ġużepp Cini
Dun Ġużepp Cini

Wara Dun Ġużepp Sultana, il-Qorti ta' Għawdex kompliet tisma' x-xhieda fil-każ ta' Dun Ġużepp Cini ta' 71 sena.

L-eks Kappillan qed ikun akkużat li stupra abbati meta dan kellu madwar tmien snin. Il-każ allegatament seħħ bejn l-2003 u l-2005.

Dun Ġużepp Cini ġie arrestat il-ġimgħa li għaddiet flimkien ma' Dun Ġużepp Sultana li qed ikun akkużat b'abbuż tal-istess vittma.

Jibda jixhed Andrew Azzopardi

L-ewwel xhud fil-każ ta' Dun Ġużepp Cini kien Andrew Azzopardi li jmexxi s-Safeguarding commission.

Kif xehed fil-każ ta' Dun Ġużepp Sultana, Azzopardi spjega dak li qallu l-allegat l-vittma, jiġifieri li Cini kien abbużah sesswalment meta kellu tmienja jew disa' snin.

Azzopardi jikkonferma dak li qal il-vittma l-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri li f'okkażjoni partikolari kien hemm ukoll penetrazzjoni. Dan seħħ fid-dar tal-istess saċerdot f'Marsalforn.

Cini jiċħad kategorikament

Azzopardi qal li Cini ċaħad kategorikament dawn l-allegazzjonijiet.

"Meta semmejtlu isem il-vittma, qal li kien jiftakru. Insista li l-vittma qatt ma mar id-dar tiegħu," kompla Azzopardi.

Qal ukoll li Dun Cini beda jistaqsih jekk jistax ikun li dan huwa każ ta' żball fl-identità.

'Aktar ma jagħtih flus aktar kien jabbużah...'

Tenna wkoll dak li qal il-vittma l-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri li Dun Cini kien jagħti l-flus lill-allegat vittma kull darba li jabbużah.

"Aktar ma jagħtih flus, aktar kien jagħmel affarijiet sesswali miegħu," qal Azzopardi. "Meta kien jgħidlu biex jieqaf, kien ikompli. Kien vjolenti miegħu."

Jixhed l-Isqof Anton Teuma...

Xehed ukoll l-Isqof Anton Teuma. Huwa tenna dak li qal meta aktar kmieni llum xehed fil-każ ta' Dun Ġużepp Sultana, jiġifieri kif il-vittma qallu l-ewwel darba bl-abbuż f'Settembru tal-2019.

Il-vittma kien imur għandu għal counselling, anke għax kellu problemi mal-ġenituri, mal-ħbieb u fuq ix-xogħol.

L-Isqof Teuma qal li sa dak iż-żmien qatt ma kien semma ismijiet jew dettalji.

Insista li kien ixxukkjat meta qara r-rapporti dwar l-allegat abbuż.

Qal li ma kienx talab lill-vittma biex jagħtih id-dettalji tal-abbuż, għax kien jaf li kien se jkollu jirrakkontahom aktar tard u ma xtaqux jgħaddi minn dan għal aktar minn darba.

Teuma jwaqqaf lis-saċerdoti

L-Isqof Teuma qal li kemm Dun Cini u anke Dun Sultana twaqqfu f'Awwissu u f'Settembru milli jkomplu bil-ministeru pastorali tagħhom.

Dan kien l-istess perjodu li fih is-safeguarding commission bdiet tinvestiga l-każ.

Dun Cini jitpoġġa taħt att ta' akkuża

Kif ġara fil-każ ta' Dun Ġużepp Sultana, il-Qorti ddeċidiet li hemm biżżejjed evidenza biex Dun Cini jitpoġġa taħt att ta' akkuża.

Il-każ ikompli fit-8 ta' Marzu.

Aqra aktar dak li xehed il-vittma l-ġimgħa li għaddiet:

More in Qrati u Pulizija