Aġġornata kontinwament | 'Kien jabbużani fis-sagristija tax-Xagħra ... kont nirrifjuta imma kien jgħidli li se mmur l-infern'

Dun Ġużepp Sultana ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest - iwieġeb mhux ħati għall-akkużi kontrih

Dun Ġużepp Sultana
Dun Ġużepp Sultana

Dalgħodu ttellgħu quddiem il-Qorti ta' Għawdex żewġ qassisin li qed ikunu akkużati b’allegat abbuż sesswali fuq minorenni.

Iż-żewġ qassisin huma Dun Ġużepp Sultana ta' 84 sena li għamel żmien barra minn Malta u Dun Ġużepp Cini ta' 70 sena li għal xi żmien kien ukoll Kappillan tal-Għasri. It-tnejn huma mix-Xagħra

Huma ġew arrestati lbieraħ wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji.

​Jidher li l-allegati abbużi seħħew diversi snin ilu, meta l-allegat vittma kien abbati.

Il-każ beda jiġi investigat mill-Pulizija wara rapport li sar lis-Safeguarding Commission fi ħdan il-Kurja.

Dan l-artiklu qed ikun aġġornat u dan huwa dak li seħħ sa issa:

Sultana jwieġeb mhux ħati

L-ewwel saċerdot li tressaq kien Dun Ġużepp Sultana, hekk se jkunu qed jitressaq separatament.

Huwa wieġeb minnufih mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

L-Avukat Jean Paul Grech li qed jidher għall-allegat vittma, talab lill-Qorti biex isem il-klijent tiegħu ma jkunx ippubblikat, minħabba s-sensittività tal-każ.

Id-difiża wkoll talbet li ma jkunux imxandra l-ismijiet tal-akkużati għax, skont l-Avukati, diġà hemm "assassinju tal-karattru" li mhux se jkun qed jgħin fil-kors tal-ġustizzja.

Il-Qorti talbet li isem il-vittma ma jkunx ippubblikat iżda ma laqgħetx it-talba tad-difiża biex ma jixxandrux l-ismijiet tal-akkużati. 

Dun Ġużepp Cini
Dun Ġużepp Cini

Il-vittma jgħix barra; Il-prosekuzzjoni tridu jixhed

L-allegat vittma taż-żewġ saċerdoti jgħix barra minn Malta, iżda d-difiża ma riditx li dan jixhed permezz ta' video conferencing. Saħqet li l-vittma mhuwiex minuri.

Madanakollu, il-prosekuzzjoni saħqet li l-fatt li huwa vittma jagħmlu vulnerabbli u għalhekk huwa protett bil-liġi.

Għalkemm jgħix barra, jidher li l-vittma bħalissa qiegħed Għawdex u qiegħed fl-istess binja tal-Qorti għalkemm mhux fl-awla.

Il-Maġistrat Monica Vella
Il-Maġistrat Monica Vella

Il-vittma tkellem mal-Isqof Anton Teuma

Il-vittma jibda jixhed kontra l-ewwel akkużat, Dun Ġużepp Sultana. Huwa qal lill-Qorti li kien tkellem mal-Isqof ta' Għawdex, Anton Teuma, dwar dan il-każ.

Wara, f'Awwissu tal-2020 kien tkellem mas-Safeguarding Commission.

"Ma kellix saħħa nirrapporta qabel," wieġeb. "Mort barra minn Malta u meta ġejt lura Għawdex iltqajt ma' saċerdot li jieħu ħsieb Ta' Pinu. Hu għamilli l-kuraġġ biex nitkellem ma' Andrew Azzopardi (tas-Safeguarding Commission) u ħeġġiġni biex nikteb rapport.

'Abbużat fis-Sagristija tax-Xagħra'

Qal li kellu madwar tmienja jew disa' snin meta l-allegat abbuż.

"Kien jeħodni fil-konfessinarju u kien jaqbad imissni fuq il-ħwejjeġ. Wara anke minn taħt."

Spjega kif kien abbużat fis-sagristija tal-knisja parrokjali tax-Xagħra.

'Kien jgħidli li se mmur l-infern...'

L-akkużat kien mistoqsi kemm dam sejjer l-abbuż. Huwa qal li Dun Ġużepp Sultana kien jabbużah sikwit għal 18-il xahar.

Qal li l-abbuż seħħ fi bnadi oħra, anke fis-sala parrokjali.

"Kont nirrifjuta imma kien jisfurzani. Kien jgħidli li se mmur l-infern jew li se jgħid lill-ġenituri."

Il-vittma jinfaqa' jibki.

Insista li kien vjolenti miegħu. Kien jipprova jaħrab imma kien iżommu bil-forza.

'Abbati sakemm kellu 15-il sena'

Tibda tistaqsi d-Difiża. Il-vittma jgħid li ma jiftakarx is-sena eżatt meta seħħ l-abbuż, imma qal li kellu madwar tmien snin.

Qal li dam abbati sakemm kellu 15-il sena.

Il-Knisja Parrokjali tax-Xagħra
Il-Knisja Parrokjali tax-Xagħra

'Ġieli abbużani ftit qabel il-quddiesa'

Ix-xhud qal lill-Qorti li kien hemm drabi meta ġie abbużat ftit biss qabel il-quddiesa.

Qal li l-abbatini kien ikollhom roster. Kien hemm quddiesa fit-8am nhar ta' Ħadd u mbagħad kulħadd kien ikollu quddiesa li kellu jservi fiha.

Xehed kif kien jidħol fis-sagristija madwar kwarta qabel il-quddiesa u kien jilbes mill-ewwel il-libsa tal-abbati.

Iddeskriva l-konfessinarju. Qal li din kienet kamra żgħira li kellha siġġu u ġinokjatur. Qal li ġeneralment kien ikun hemm żewġ abbatini kull quddiesa. Madanakollu, ma jiftakarx isimhom.

'L-ewwel darba kien il-Ħadd'

Il-vittma qal li l-ewwel allegat abbuż seħħ il-Ħadd, eżatt qabel il-quddiesa.

Qal li l-quddiesa tat-8:30am kienet dik prinċipali u għalhekk l-abbatini kollha jkunu hemm.

L-abbuż seħħ fil-konfessinarju. "Ma niftakarx kif spiċċajt hemm. Ma niftakarx jekk staqsejtx biex inqerr jew jekk daħħalnix hu," kompla jixhed.

'Qed jigdeb jekk jgħid li ma jafnix'

Id-Difiża tistaqsih jekk il-kmamar fil-parroċċa kinux aċċessibbli għal kulħadd. Ix-xhud iwieġeb fil-pożittiv iżda saħaq li s-sala parrokjali ħafna drabi kienet tkun imsakkra. Qal li ma jafx min kien ikollu ċ-ċavvetta.

"Qed jigdeb jekk jgħidilkom li qatt ma mar f'din is-sala u qed jigdeb jekk jgħid li lili ma jafnix," insista x-xhud.

Qal li fis-sala parrokjali kien abbużat madwar tliet jew ħames darbiet. Meta mistoqsi qal li ma jiftakarx jekk il-kamra kinitx imsakkra jew min kien fetaħha.

'Ħadd qatt ma nduna?'

Id-Difiża tistaqsih jekk kien hemm persuni oħra li setgħu nnutaw dan l-abbuż. L-akkużat qal li ma jiftakarx.

'Ma nafx jekk kienx hemm xi ħadd li ra l-abbuż iseħħ," wieġeb. "Kemm il-konfessinarju u anke s-sala parrokjali kienet aċċessibbli.'

L-Isqof Anton Teuma
L-Isqof Anton Teuma

'Anton Teuma kien l-ewwel wieħed li sar jaf bl-abbuż'

Ix-xhud qal li Anton Teuma (illum Isqof ta' Għawdex) kien l-ewwel wieħed li sar jaf bl-abbuż għax kien kellmu sentejn ilu.

"Qatt ma kelli kuntatt ma' Dun Ġużepp wara li spiċċajt minn abbati ta' 15-il sena. Qatt ma għidt lill-ġenituri. Ħadu xokk meta rċevew il-karti mill-Qorti u mill-Pulizija," insista.

'L-ebda abbuż waqt il-futbol'

Ix-xhud qal ukoll li nhar ta' Ħadd kienu jmorru l-Għarb biex jilgħabu l-futbol.

Kien imur mal-abbatini l-Arċipriet tax-Xagħra u anke Dun Ġużepp.

Insista li waqt dawn il-ħarġiet ma kien ikun hemm l-ebda abbuż.

'Spiċċajt f'dipressjoni ... Dun Anton Tuemi għeni'

Ix-xhud tkellem ukoll dwar l-effett li dan l-allegat abbuż kellu fuqu u fuq is-saħħa mentali tiegħu. Qal li Anton Teuma għenu ħafna.

"Wara dan l-abbuż spiċċajt f'dipressjoni u Dun Teuma kien issuġġerixxa li nidħol f'komunità biex jgħinuni," qal.

Insista li f'dan iż-żmien kien qed jixrob ħafna u Teuma kien staqsih jekk kienx ġralu xi ħaġa meta kien għadu żgħir.

"Kien hawn li tkellimt," qal lill-Qorti.

Żball ta' identità?

Id-Difiża tistaqsi jekk setax kien hemm żball fl-identità. Staqsiet jekk kienx jaf isem is-saċerdot jew inkella dan ħariġx waqt it-terapija.

"Dejjem kont naf minn huma," wieħed ix-xhud. Kien hawn li d-Difiża staqsiet jekk kienx hemm xi ħadd ieħor li kien qed jabbużah f'dak iż-żmien.

Ix-xhud jispjega l-allegat abbuż f'dettall...

Madanakollu l-Maġistrat ma ppermettitx din il-mistoqsija.

Id-Difiża talbet aktar dettalji dwar l-allegat abbuż.

Ix-xhud qal li s-saċerdot kien ineħħilu l-qalziet u mbagħad jimmasturbah.

"Jiena qatt ma missejtu," qal ix-xhud waqt li insista wkoll li qatt ma kien hemm penetrazzjoni.

Għaliex Dun Anton?

Id-Difiża trid tkun taf għaliex ix-xhud tkellem ma' Anton Teuma dwar l-allegat abbuż, minflok ma' counsellor.

"Il-ġenituri tiegħi jafuh u għalhekk iddeċidejt li nkellmu," wieġeb. "Kienet diffiċli ħafna biex nerġa' nafda qassis."

'Bdejt nieħu d-droga u nixrob ... Ippruvajt nagħmel suwiċidju'

Ix-xhud kompla jirrakkonta t-trawma li għadda minnha.

Qal li kien konfuż u jħossu maħmuġ. "Abbandunajt l-istudji. Ippruvajt nagħmel suwiċidju wkoll. Lanqas kont niflaħ inħares lejn il-mera. Kien hemm żmien fejn anke bdejt nistaqsi s-sesswalità tiegħi. Bdejt nieħu d-droga u l-alkoħol," kompla jixhed.

Insista li hu qatt ma fittex l-ebda kumpens imma tkellem għax irid li toħroġ il-verità.

'Kien hemm vittmi oħra ... wieħed minnhom kellu overdose'

Ix-xhud qal li hu ta lill-kummissjoni tal-Knisja lista ta' persuni oħra li bħalu ġew abbużati.

Qal li wieħed minnhom kellu overdose.

Il-Qorti ordnat li l-isem ta' dawn il-persuni ma jixxandarx. Minkejja dan, ix-xhud xorta ma jridx li jsemmi l-ismijiet ta' dawn il-persuni.

Qal li l-vittmi l-oħra huma ta' Dun Ġużepp Cini, is-saċerdot l-ieħor li mistenni jitressaq aktar tard.

L-abbuż seħħ fl-2003?

Id-Difiża reġgħet riedet tkun taf meta seħħ l-abbuż, iżda x-xhud baqa' jisħaq li ma jafx is-sena. Qal biss li kellu tmien snin.

L-Avukati talbuh id-data tat-twelid u kien hawn li kkalkulaw u staqsewh jekk dan ifissirx li l-abbuż seħħ fl-2003.

'Hekk jiġi," wieġeb.

Il-prosekuzzjoni toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest

Hekk kif ix-xhieda, fil-konfront ta' Dun Ġużepp Sultana ntemmet, l-Avukat Angele Formosa qed titlob għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, għax, fi kliemha, ma hemm l-ebda riskju li l-akkużat jista' jinfluwenza l-evidenza, ġaladarba l-allegat vittma xehed.

Il-prosekuzzjoni imma qed toġġezzjona. Qalet li hemm erba' xhied oħra, kollha kemm huma saċerdoti u jidher li l-akkużat ċemplilhom il-ġimgħa li għaddiet.

Sultana bagħat ittra lill-vittma fit-12 ta' Jannar

Id-Difiża baqgħet tinsisti għall-ħelsien mill-arrest. Insistiet li Sultana mhux qed iqaddes u dejjem ikun id-dar, bil-Qorti tista' twissih biex ma jitkellem ma ħadd mix-xhieda.

Madanakollu l-prosekuzzjoni qed tibqa' tinsisti kontra. Qalet li Sultana bagħat ittra lill-vittma fit-12 ta' Jannar. Insistiet li dan ifisser li kien jaf bl-allegazzjonijiet qabel ma ġie arrestat. Saħqet li dan ifisser li pprova jinfluwenza l-evidenza.

F'dan il-punt il-Prosekuzzjoni u d-Difiża jargumentaw dwar din l-ittra bid-difiża tgħid illi ma ma kien hemm xejn ħażin bl-ittra mibgħuta għax intbagħtet qabel ittieħdet xi azzjoni kriminali u allura Sultana ma kien taħt l-ebda ordni biex ma jitkellem ma' ħadd, sostna l-avukat.  Il-Prosekuzzjoni iżda sostniet li din l-ittra intbagħtet meta l-akkużat kien jaf illi l-Kummissjoni tas-Safeguarding qed tinvestiga.

Il-Maġistrat tirrifjuta t-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat lill-prosekuzzjoni biex tippreżenta x-xhieda fis-smigħ li jmiss.  Sutana għalhekk se jinżamm taħt arrest. 

Intant ara hawnhekk ix-xhieda ħafna aktar xokkanti tal-vittma dwar Dun Ġużepp Cini. 

Stqarrija mid-Djoċesi ta' Għawdex

Intant, id-Djoċesi ta' Għawdex ħarġet stqarrija li fiha qed turi solidarjetà ma’ dawk kollha li qegħdin ibatu.

"Filwaqt li tistenna li l-Qorti tieħu l-kors tagħha biex tinstab il-verità, il-Knisja ttenni r-rieda u l-impenn sħiħ tagħha biex ħadd ma jkun vittma ta’ abbużi sesswali, fiżiċi jew morali," saħqet l-istqarrija.

Ħeġġet lil dawk li ġarrbu xi abbuż biex jirrappurtaw lill-pulizija u biex, jekk l-abbuż sar minn persuni marbuta mal-Knisja, jikkuntattjaw ukoll lill-Kummissjoni tas-Safeguarding taż-żewġ djoċesijiet fuq [email protected].

"Fir-rispett lejn il-verità, il-Knisja tfakkar li ħadd ma jitqies ħati qabel ma jkun hemm sentenza definittiva tal-Qorti," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Qrati u Pulizija