Id-drittijiet tal-bniedem tal-bloger li jgħix Spanja Mark Camilleri ma ġewx miksura. Dan ġie ddikjarat fid-dawl meta l-Qorti kienet ordnat li tittieħed azzjoni kriminali kontrih wara li hu ppubblika messaġġi privati bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech, qalet il-Qorti Kostituzzjonali. Camilleri, li jgħix li ġo razzett li qed jaqa’ biċċiet fi Spanja, dan l-aħħar ingħata konsulenza mill-Gvern ta’ Robert Abela wara pressjoni li saret fuq Abela stess. Camilleri jiddelitta jakkuża lil kulħadd li jirċievi flus tal-Gvern u mbagħad hu ma jiddejjaqx jagħmel pressjoni kbira fuq il-ministri u l-gvern biex ituh il-flus għal proġetti tiegħu fuq il-premessa li hu għandu media house. Imma infatti, skont riċerka li għamlet din il-gazzetta, dan m’għandux impjegati fissi u lanqas iħallas taxxa Malta.
Il-każ jappartjeni allegazzjonijiet li Camilleri għamel kontra d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar fil-ktieb tiegħu “A Rent Seeker’s Paradise”, fosthom li l-Membru Parlamentari kellha relazzjoni ma’ Yorgen Fenech u li rċeviet “flus korrotti” mingħand in-negozjant. Cutajar kienet fetħet libell kontra l-pubblikazzjoni, li eventwalment ġiet irtirata.
Matul dawn il-proċeduri, is-sekwenza tal-provi ġiet mibdula fuq talba ta’ Cutajar, u Camilleri ppreżenta bħala prova aktar minn 2,200 messaġġ bejn Cutajar u Fenech. Dawn il-messaġġi tpoġġew ukoll fuq il-blogg ta’ Camilleri.
Dan wassal biex Cutajar ressqet applikazzjoni fil-Qorti tal-Maġistrati dwar il-pubblikazzjoni msemmija. Iżda billi l-mertu ta’ dak li ntalab kien diġà taħt skrutinju fil-Qorti Kriminali (li hi ppreseduta minn imħallef differenti), din tal-aħħar astjeniet milli tiddeċiedi. Cutajar imbagħad kitbet lill-Avukat Ġenerali, tirreferi għall-pubblikazzjoni tal-blogg u titlob li jittieħdu passi kontra Camilleri fuq il-bażi li kiser projbizzjoni ta’ pubblikazzjoni maħruġa mill-Qorti Kriminali.
L-Avukat Ġenerali ressqet nota quddiem il-Qorti Kriminali li qed tisma’ l-każ kontra Yorgen Fenech, u l-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiftaħ investigazzjoni biex jara jekk Camilleri kisirx din il-projbizzjoni. Wara li ntemmet l-investigazzjoni, il-Kummissarju ġie ordnat iressaq akkużi kontra Camilleri minħabba ksur ta’ din il-projbizzjoni.
Camilleri fetaħ kawża kostituzzjonali fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fejn sostna li nkisrulu d-drittijiet tiegħu tal-libertà t’espressjoni u għal smigħ ġust. Huwa talab kumpens u sostna li l-pubblikazzjoni tal-messaġġi kien fl-interess pubbliku.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Toni Abela, ċaħdet it-talbiet tiegħu u sabet li ma seħħ l-ebda ksur tad-drittijiet umani — la tal-libertà ta’ espressjoni u lanqas tas-smigħ ġust.
Il-Qorti nnotat li l-pulizija ppruvaw jieħdu stqarrija mingħand Camilleri waqt l-investigazzjoni, iżda dan ma kienx disponibbli.
Il-Qorti enfasizzat li l-projbizzjoni kienet tikkonċerna l-pubblikazzjoni tal-messaġġi fuq il-blogg u mhux il-kawża ta’ libell. Fil-fatt, ġie stabbilit mill-pulizija li l-messaġġi li dehru fuq is-sit elettroniku kienu jikkorrispondu ma’ dawk fil-proċeduri kontra Fenech, li jinsabu taħt projbizzjoni ta’ pubblikazzjoni.
Il-Qorti kkundannat it-tnixxijiet minn dawk li “għandhom ikunu jafu aħjar”, u li b’hekk qed iżidu l-isfidi għall-prosekuzzjoni u għall-Qorti.
Dwar l-argument li l-pubblikazzjoni tal-messaġġi kienet fl-aħjar interess pubbliku, Camilleri kien irrefera għal deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir. Madankollu, il-Qorti rreferiet għad-deċiżjoni tal-Kummissarju tad-Data, li kkonkludiet li “Mill-qari tal-blogg tal-kontrollur dakinhar li xandar il-messaġġi, jidher li l-iskop ewlieni tiegħu kien li josserva lil parti terza għat-tmaqdir pubbliku u biex jippromovi l-interessi legali tiegħu fil-Qorti tal-Maġistrati. L-interess pubbliku jidher li kien biss ħsieb sekondarju.”
Il-Qorti nnotat ukoll li theddid b’rekordings u messaġġi huwa karatteristika tal-istil ‘ġurnalistiku’ ta’ Camilleri. Fost oħrajn, ġie kkwotat mis-sid tal-MediaToday Saviour Balzan li informa lill-pulizija li Camilleri heddu billi qal li għandu chats ma’ Fenech. Fir-rapport li għamel Balzan lill-pulizija kien iddikjara li Camilleri kien irċieva chats mill-Eks Deputat Jason Azzopardi u li kellu aċċess għaċ-chats minħabba li hu avukat tal-familja Caruana Galizia. Balzan kompla fir-rapport tiegħu li Camilleri kien talbu loan ta’ mitt elf ewro u li jħallsu lura in kind. Balzan qal li meta hu rrifjuta din il-proposta indiċenti, Camilleri kien infexx jattakkah bl-aħrax. Balzan stqarr lill-Pulizija li dan kien każ ċar ta’ theddid. Hu żied li din it-tattika, Camilleri kien jużaha fil-konfront ta’ bosta nies.
Il-Qorti nnotat li Camilleri injora l-fatt li l-pubblikazzjoni taċ-chat setgħet iġġib preġudizzju qabel il-proċess. Il-Qorti kkundannat ukoll il-kummenti tiegħu kontra l-Avukat Ġenerali, li sejjaħlu “dgħajjef”.
Il-Qorti temmet billi tgħid li dan il-każ juri l-pressjoni esterna li taffaċċja l-Qorti li twassal għal sitwazzjoni fejn il-ġustizzja ma ssirx b’serenità. Il-qrati għandhom obbligu li jqisu l-opinjoni pubblika, iżda mhux li jiddeċiedu skontha.
L-Avukati Julian Farrugia u Miguel Degabriele dehru għall-Avukat tal-Istat.