Nicholas Bezzina, ta’ 52 sena, ingħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn, wara li nstab ħati ta’ serq tad-dawl minn pastizzeria f'Ħal Luqa.
Bezzina kien akkużat b’serq aggravat tad-dawl li allegatament kien jammonta għal €56,768.81 bejn Awwissu tal-2010 u Awwissu tal-2015, kif ukoll li kkawża ħsarat f’apparat elettriku.
Il-każ imur lura għat-22 ta’ Awwissu 2015, meta uffiċjali tal-Enemalta wettqu spezzjoni ġewwa l-Lion Pastizzeria, magħrufa wkoll bħala Pastizzeria Galea, fi Triq id-9 ta’ April, f'Ħal Luqa.
Waqt li xehedu fil-qorti, impjegati tal-Enemalta spjegaw kif skoprew li l-arloġġ tad-dawl, li kien jinsab f’armarju msakkar, kien intmiss. Il-wires kienu qed jevitaw l-arloġġ tad-dawl u kienu konnessi direttament mal-iswiċċ prinċipali, b’tali mod li d-dawl seta’ jiġi kkunsmat mingħajr ma jiġi rreġistrat.
Maniġer l-Enemalta xehed li l-korporazzjoni kienet stmat il-valur tad-dawl ikkunsma,t iżda mhux irreġistrat għal €18,589.48 fuq perjodu ta’ ħames snin. Meta ma’ dan l-ammont żdiedu €2,174.42 f’interessi, €35,075.43 f’penali u €929.47 f’VAT, it-total mitlub mingħand Bezzina tela’ għal €56,768.81.
Il-qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta’ wieħed mill-werrieta, li spjega li l-fond oriġinarjament kien ta’ ommu u ħutha, qabel ma għadda għand il-werrieta tagħhom wara mewthom.
Fl-2009, Bezzina kien daħal fi ftehim għal ħames snin sabiex jieħu f’idejh it-tmexxija tal-pastizzeria. Dan il-ftehim ġġedded fl-2014 għal perjodu ieħor ta’ 10 snin.
Għalkemm l-arloġġ tad-dawl baqa’ rreġistrat fuq isem il-proprjetarja mejta, Bezzina kien unikament responsabbli għall-ispejjeż tad-dawl u l-ilma, filwaqt li l-werrieta ma kellhom l-ebda involviment fit-tmexxija tan-negozju.
Waqt l-interrogazzjoni tiegħu mill-pulizija f’Marzu tal-2019, Bezzina ammetta li kien jaf bil-manipulazzjoni, iżda sostna li ma kienx hu li mess l-arloġġ u li ma kienx jaf min kien responsabbli.
Għalkemm il-qorti stabbiliet li Bezzina kien ibbenefika xjentement mill-konsum tad-dawl li ma kienx qed jiġi rreġistrat, iddeċidiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-valur tad-dawl misruq u kemm kien ilu għaddej is-serq.
Il-qorti kkritikat ukoll il-mod kif l-arloġġ tad-dawl kien ġie ttrattat u mibdul, u rrimarkat li l-uffiċjali tal-Enemalta kellhom jirrapportaw immedjatament dak li sabu sabiex tkun tista’ tinfetaħ inkjesta maġisterjali u l-arloġġ jiġi eżaminat, imneħħi u ssiġillat minn esperti maħtura mill-qorti.
Il-qorti ddeskriviet il-kalkoli tal-Enemalta bħala spekulattivi, filwaqt li enfasizzat in-nuqqas ta’ dokumentazzjoni li turi l-konsum tal-elettriku qabel u wara l-ispezzjoni. Ma tressqet l-ebda prova dwar l-apparat elettriku li kien jintuża fil-pastizzeria, il-ħinijiet li fihom kienet topera jew meta kienet bdiet għall-ewwel darba l-manipulazzjoni.
Il-qorti saħqet li kienet ir-responsabbiltà tal-prosekuzzjoni li tipprova l-valur allegat u kemm kien ilu għaddej is-serq.
Fir-rigward tat-tieni akkuża, il-qorti nnutat li Bezzina kien qed jikri l-fond u li ma tressqet l-ebda prova li tistabbilixxi jekk l-arloġġ kienx intmess qabel jew wara li huwa ħa f’idejh il-pastizzeria. Għaldaqstant, il-prosekuzzjoni naqset milli tipprova li kien hu responsabbli għall-ħsara lill-arloġġ.
Meta kienet qed tiddetermina l-piena, il-qorti kkunsidrat il-fedina penali ta’ Bezzina, il-kooperazzjoni sħiħa tiegħu mal-pulizija u d-dewmien konsiderevoli fil-bidu tal-proċeduri kriminali, li bdew aktar minn erba’ snin wara l-ispezzjoni.
Il-qorti nnutat ukoll li Bezzina ma kien għamel xejn sabiex ifixkel il-proċeduri ladarba dawn kienu nbdew.
Bezzina nstab ħati ta’ serq tad-dawl aggravat bil-mezz u bil-post fejn twettaq, iżda mhux bil-valur jew bit-tul ta’ żmien allegat. Huwa ġie lliberat mill-akkuża li kkawża ħsara lill-arloġġ tal-elettriku.
Il-qorti kkundannatu sena ħabs sospiża għal sentejn.
Is-Supretendent Hubert Cini mexxa l-prosekuzzjoni.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ppresediet fuq il-kawża.