Dun Ġużepp Sultana jitpoġġa taħt att ta' akkuża; Se jkunu investigati l-messaġġi fuq il-mowbajl tiegħu

L-Isqof Teuma, Andrew Azzopardi mis-Safeguarding Commission u saċerdoti Għawdxin jixhdu fil-każ ta' Dun Ġużepp Sultana

Dalgħodu kompla jinstema' l-każ kontra Dun Ġużepp Sultana ta’ 84 sena.

Sultana qed ikun akkużat li abbuża sesswalment abbati meta dan kellu madwar tmien snin. Il-każ allegatament seħħ bejn l-2003 u l-2005.

Fost oħrajn, xehdu l-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma, l-eks Arċipriet tax-Xagħra Monsinjur Ewkarist Sultana u l-Arċipriet preżenti Monsinjur Carmelo Refalo.

Xehed ukoll Fr. Dominic Sultana, wieħed mill-qassisin li l-vittma fetaħ qalbu miegħu dwar l-abbuż u anke Andrew Azzopardi li jmexxi l-Kummissjoni tal-Knisja għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Vulnerabbli, liema Kummissjoni għaddiet dan il-każ f'idejn il-Pulizija. 

Dun Ġużepp ġie arrestat il-ġimgħa li għaddiet flimkien ma' Dun Ġużepp Cini li qed ikun akkużat bi stupru tal-istess vittma.

Ikompli l-każ kontra Dun Ġużepp Sultana

L-ewwel li ddaħħal fl-awla huwa Dun Ġużepp Sultana, hekk kif iż-żewġ saċerdoti tressqu separatament.

Id-Difiża għamlet talba lill-Qorti biex il-każ jinstema' wara l-bibien magħluqa. L-Avukata qed tilmenta għax, fi kliemha, hemm attenzjoni kbira fuq dan il-każ u għax fl-aħħar seduta x-xhieda tal-allegat vittma kienet kważi kważi rrappurtata kelma b'kelma.

Il-prosekuzzjoni saħqet li dan huwa normali li jseħħ u fil-fatt il-Qorti ma laqgħetx it-talba tagħha.

Madanakollu d-difiża reġgħet talbet biex il-Qorti tordna lill-midja biex tirrapporta biss wara li tkun intemmet is-seduta, biex ix-xhieda ma jkunux jistgħu jaqraw dak li qed jintqal minn xhieda oħra qabilhom.

Il-Qorti ma tilqax lanqas din it-talba.

Jixhed l-eks Arċipriet tax-Xagħra ... jgħid li l-vittma ma kienx abbati fi żmienu

L-ewwel xhud illum huwa Monsinjur Ewkarist Sultana. Huwa kien Arċipriet tax-Xagħra għal aktar minn 30 sena, bejn l-1973 u l-2004.

Dan ifisser li hu kien l-Arċipriet fi żmien li seħħew l-allegati abbużi.

Monsinjur Sultana jispjega kif ilu snin jaf lil Dun Ġużepp Sultana, anke għax kienu jistudjaw flimkien.

Mistoqsi jekk jafx lill-vittma, l-eks Arċipriet ikkonferma li jafu u li kien hu stess li għammdu.

"Ma kienx abbati fi żmien li jien kont Arċipriet," insista.

Ikkonferma wkoll li kien ikunhemm roster għall-abbatini, biex kull abbati jieħu ħsieb quddiesa tal-Ħadd.

Qal li din kienet issir minn abbati stess.

Andrew Azzopardi
Andrew Azzopardi

Jixhed Andrew Azzopardi li jmexxi s-Safeguarding Commission

Ix-xhud li jmiss huwa Andrew Azzopardi li jmexxi s-Safeguarding Commission, li hija kummissjoni interdjoċesana, jiġifieri kemm għall-Arċidjoċesi ta' Malta u anke għad-Djoċesi Għawdxija.

Kienet din il-Kummissjoni li għaddiet il-każ quddiem il-Pulizija.

Azzopardi jgħid li hu jaf lil Dun Ġużepp Sultana u jikkonferma li kien hu li rrapporta dan il-każ lill-Pulizija.

"Irċevejt telefonata fis-17 ta' Awwissu 2020. Kont qiegħed Għawdex. Iltqajt mal-vittma u qalli dak li kien seħħ meta kellu tmienja jew disa' snin," spjega.

Azzopardi qal li l-vittma qallu li Sultana kien abbużah f'konfessinarju u anke f'kamra oħra.

"Hu ma xtaqx jirrapporta l-każ lill-Pulizija imma kien imħasseb li Sultana kien f'kuntatt ma' aktar tfal," spjega. "Imbagħad qabel li l-każ ikun irrapportat lill-Pulizija, mingħajr ma jinkixef ismu."

Sultana jiċħad kategorikament

Azzopardi qal li wara dan, kien irrakkomanda restrizzjonijiet fuq il-ministeru pastorali ta' Dun Ġużepp Sultana. Fil-fatt kien tkellem mal-Isqof Mario Grech (li dak iż-żmien kien Amministratur Appostoliku għal Għawdex) u Anton Teuma (li dak iż-żmien kien l-Isqof-elett).

L-għada kien irrapporta l-każ lill-Pulizija.

Insista li hu, flimkien mal-Pulizija, kienu interrogaw lil Sultana f'Ottubru.

"Sultana ċaħad kategorikament u insista li qatt ma abbuża lil ħadd," kompla jixhed.

Sultana jgħid li ma jafx lill-vittma

Azzopardi qal li hu ma kellux il-permess tal-vittma biex jikxef ismu.

Insista li kien reġa' tkellem miegħu f'Ottubru u staqsih jekk jistax isemmi ismu u jekk iridx li jirrapporta lill-Pulizija u kien hawn li qabel.

Azzopardi notes that he did not have the victim’s permission to mention his name to the accused. 

Fil-fatt, ir-rapport sar fid-29 ta' Ottubru u l-għada ltaqa' ma' Dun Ġużepp Sultana u l-avukat tiegħu.

Azzopardi saħaq li Sultana qallu li ma jiftakarx min kien il-vittma u ċaħad li qatt għamillu xi ħaġa meta kien iżgħar.

Ittra legali

Azzopardi qal li hu kien wissa lil Dun Ġużepp Sultana biex ma jagħmilx kuntatt mal-vittma jew il-familja tiegħu, imma aktar tard sar jaf li Sultana kien bagħat ittra legali lill-vittma.

Insista li hu kien talab lill-avukat biex jirtira l-ittra għax, fi kliemu, ma kinitx se tagħmel ġid, la lill-istess Sultana u lanqas lill-Knisja.

"Ma kinux jafu li kien hemm każ kriminali, imma kienu jafu li f'każi bħal dawn dejjem immorru għand il-Pulizija," insista.

Nhar id-19 ta' Jannar, il-vittma mar id-Depot, flimkien ma' Azzopardi u ppreżenta rapport ta' erba' paġni bid-dettalji tal-allegat abbuż.

L-Isqof Anton Teuma
L-Isqof Anton Teuma

Jixhed l-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma; Iltaqa' mal-vittma 19-il darba

Jibda jixhed l-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma. Qal li kienu l-ġenituri tal-vittma li talbuh l-għajnuna bħala counsellor.

Teuma qal li tkellem mal-vittma minħabba problemi li kien qed ikollu mal-ġenituri, ma' sħabu u anke fuq il-post tax-xogtħol.

"Kien hemm problemi emozzjonali u ta' mġieba," qal l-Isqof. "Kellu problemi ta' mġieba u self-esteem baxx."

Qal li ltaqa' mal-vittma 19-il darba iżda saħaq li f'dawn is-sessjonijiet qatt ma qallu l-istorja kollha kif qed tinstema' bħalissa.

L-Isqof qal li kien jipprova jikkonvinċi lill-vittma biex jirrapporta l-abbuż.

"Imbagħad sirt Isqof ta' Għawdex u kelli nirrapporta l-każ jiena stess. Meta ġie għandi, kont għidtlu li rridu nipproċedu. Imma baqa' jirrifjuta li jagħmel dan," saħaq l-Isqof Teuma. Dan kien f'Lulju.

Qal li kien talbu jikteb ittra li fiha jgħid li ma xtaqx jirrapporta l-każ. Kien fit-8 ta' Awwissu li l-vittma qallu li jrid jipproċedi.

"Kont kuntent għax ma flaħtx nerfa' aktar dan il-piż waħdi," xehed l-Isqof Teuma. "Bgħattu għand is-safeguarding commission u kompla miegħu Fr Dominic."

L-Isqof Teuma kellem lil Dun Ġużepp fis-17 ta' Awwissu

Teuma qal li kien tkellem ma' Dun Ġużepp fis-27 ta' Awwissu.

Dakinhar kien infurmah bir-rakkomandazzjoni biex jillimita l-ministeru pastorali tiegħu.

Qal li ma kienx iddiskuta l-każ miegħu.

L-ewwel darba li l-vittma semma l-abbuż kien f'Settembru 2019

Teuma qal li kien jieħu nota tas-sessjonijiet li kien ikollu mal-vittma.

Qal li l-vittma semma l-ewwel darba l-abbuż fis-sitt sessjoni li kellhom flimkien, jiġifieri f'Settembru 2019.

L-Isqof Teuma jtemm hawn ix-xhieda tiegħu iżda mistenni jerġa' jixhed aktar tard meta jkompli l-każ kontra Dun Ġużepp Cini.

Jixhed Fr Dominic Sultana li kien isegwi lill-vittma

Fr Dominic Sultana huwa x-xhud li jmiss. Jikkonferma li jaf lill-vittma għax kien parti minn grupp komunitarju terapewtiku magħruf bħala iċ-cenacolo.

Spjega kif dawn il-gruppi huma mmirati għal dawk iż-żgħażagħ li jkunu tilfu t-triq fil-ħajja tagħhom u jkollhom bżonn direzzjoni.

Fr Dominic jgħid li dawn il-korsijiet ilhom għaddejja mill-1980 u għamlu suċċess kbir.

Isemmi għall-ewwel darba l-abbuż...

Fr Dominic qal li l-ġenituri tal-vittma kienu marru jkellmuh f'Lulju għax ma xtaqx jibqa' parti mill-grupp.

"Iltqajt miegħu l-ewwel darba fil-21 ta' Lulju. Semma abbuż. Waqqaftu u qrajtu l-policy tal-Knisja għax ma kienx qiegħed iqerr," spjega s-saċerdot.

"Għidtlu biex immur għand is-safeguarding commission u tajtu n-numru ta' Andrew Azzopardi. Il-vittma qal li ma jridx li l-każ jispiċċa għand il-Pulizija u jixxandar ismu," kompla jixhed.

Xehed li l-vittma kellu bżonn trattament psikoloġiku u fil-fatt kien iddeċieda li jerġa' lura għall-grupp.

Jixhed l-Arċipriet tax-Xagħra, Monsinjur Carmelo Refalo

Ix-xhud li jmiss huwa l-Arċipriet tax-Xagħra, Monsinjur Carmelo Refalo. Huwa ilu mill-2005 jmexxi din il-parroċċa.

Huwa kien mitlub jiddeskrivi s-sagristija tax-Xagħra, il-post fejn allegatament seħħ l-abbuż.

Iddeskriviha bħala kamra kbira li tinkludi speċi ta' sala u kamra oħra bil-ħġieġ

Qal li din l-istess kamra kienet irranġata fl-2010 biex isservi bħala konfessinarju.

Insista li s-sala wkoll għandha konfessinarju.

Kompla jixhed kif is-sala ma tantx tintuża u dejjem tkun imsakkra.

L-Arċipriet jintalab jippreżenta r-rosters tal-abbatini

L-Arċipriet intalab jippreżenta r-rekords tal-abbatini kollha u anke r-rosters għall-perjodu 2003 sal-2005.

Ix-xhieda tiegħu ġiet sospiża sas-smigħ li jmiss, meta l-Arċipriet mistenni jġib miegħu din l-informazzjoni mitluba mill-Qorti. 

Se jkun eżaminat il-mowbajl ta' Dun Ġużepp Sultana

Intant, il-Prosekuzzjoni ppreżentat fil-Qorti l-mowbajl, Nokia, ta' Dun Ġużepp Sultana. Id-Difiża oġġezzjonat għall-analiżi tal-mowbajl, għax fi kliemha, dan mhux relevanti għall-każ.

Madanakollu, il-Qorti tat il-permess lill-prosekuzzjoni biex tinvestiga l-messaġġi li jinsabu fuq il-mowbajl.

Id-Difiża talbet mill-ġdid il-ħelsien mill-arrest ta' Dun Ġużepp Sultana peress li ttellgħu jixhdu x-xhieda kollha.

Il-Qorti talbet lid-Difiża biex tippreżenta din it-talba lill-Qorti.

Dun Ġużepp Sultana jitpoġġa taħt att ta' akkuża

Hekk kif tressqu l-Qorti x-xhieda kollha, il-Qorti qalet li hemm biżżejjed evidenza biex toħroġ att ta' akkuża fil-konfront ta' Dun Ġużepp Sultana.

Fi kliem sempliċi, dan huwa dokument legali li jakkuża persuna b'att kriminali u għalhekk l-istess persuna tkun tista' tgħaddi ġuri.

Il-każ kontrih ikompli fit-8 ta' Marzu. 

Aqra aktar dak li xehed il-vittma l-ġimgħa li għaddiet:

More in Qrati u Pulizija