Il-vot biex l-emenda tal-abort tgħaddi għall-aħħar fażi Parlamentari pospost għal nhar it-Tnejn

Dan ifisser li d-diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari tkun qed issir wara l-vaganzi tal-Milied bil-vot finali dwar dan l-Abbozz jittieħed fl-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida u għalhekk inaqqas ukoll il-pressjoni minn fuq l-Uffiċċju tal-President fiż-żmien li jkun iffukat fuq l-Istrina

Il-vot biex l-emenda tal-abort tgħaddi għall-aħħar fażi Parlamentari ġie pospost u minflok illum, se jkun qed jittieħed nhar it-Tnejn li ġej meta l-Parlament se jkun qed jivvota fuq diversi abbozzi oħra. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Oppożizzjoni talbet 'division' u hekk bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, ġie deċiż li l-vot jittieħed nhar it-Tnejn.

Wara li jittieħed dan il-vot, l-Abbozz li ressaq il-Gvern biex l-abort ikun permessibbli f'Malta meta l-ħajja jew inkella s-saħħa fiżika u mentali tal-mara tkun f'riskju 'gravi', ikun jista' jgħaddi għall-istadju li jmiss, jiġifieri jmur quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi, dak l-istadju li matulu jkunu jistgħu jiġu ppreżentati l-emendi għall-Abbozz ta' Liġi.

Il-ġimgħa d-dieħla, il-Parlament ixolji għall-vaganzi tal-Milied u dan ifisser li d-diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari se tkun qed issir fl-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida. Fl-aħħar nett, biex l-Abbozz isir liġi, ikun hemm bżonn il-firma tal-President tar-Repubblika (ara aktar 'l isfel).

Din l-emenda qajmet diskussjoni sħiħa. Il-Gvern mhux juża il-kelma abort, filwaqt li l-Oppożizzjoni u diversi għaqdiet u professjonisti qed jinsistu li din l-emenda se tkun qed tiftaħ il-bieb beraħ biex jidħol l-abort f'Malta.

Fost l-aktar persuni voċiferi kontra l-emenda, hemm ukoll il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca imma anke eks uffiċjali tal-Partit Laburista, bħall-Avukat Joe Brincat, li qed jinsisti li jgħid x'jgħid il-Gvern, din l-emenda se ddaħħal l-abort.

Intant, il-President ta' Malta George Vella, li kemm-il darba tkellem kontra l-abort, ma ċaħadx rapporti li lest jirriżenja jekk din l-emenda tidħol fil-liġi u tiġi quddiemu għall-firma tiegħu. Ġaladarba issa d-diskussjoni se tkompli wara l-Milied, dan inaqqas il-pressjoni minn fuq il-President Vella f'dan iż-żmien importanti li fih il-ħidma tal-Uffiċċju tiegħu tkun iffukata fuq l-Istrina.

Kemm l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lit-tobba (MAM), il-Unjin tal-Infermiera (MUMN), il-Kamra tal-Ispiżjara u xejn inqas minn 80 akkademiku wkoll huma kontra din l-emenda.

450 tabib iffirmaw petizzjoni kontra din l-emenda, anke jekk 'il fuq minn 100 akkademiku ieħor qal li jaqbel mal-emenda.

Il-Knisja wkoll hija kontra l-emenda tal-Gvern, bl-Isqfijiet jisħqu li f'pajjiżi oħra, inkluż fir-Renju Unit, l-abort daħal b'emenda simili.

Il-kwistjoni qed iddur madwar il-kelma saħħa hekk kif l-abort se jkun permessibbli biss mhux meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu imma anke meta s-saħħa tal-mara tkun f'riskju 'gravi.' Dawk kontra qed jisħqu li l-emenda hija wisq vaga u se tkun qed tiftaħ il-bieb biex l-abort jiddaħħal f'Malta għax hemm wisq lok għal interpretazzjoni.

Sal-lum, meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu, sakemm ma jkunux jistgħu jiġu salvati ż-żewġ ħajjiet, it-tobba jagħżlu li jsalvaw l-omm. Madanakollu dawn ma għandhom l-ebda ċertezza legali, anke jekk sal-lum qatt ma nqalgħu problemi minħabba dan. Il-Gvern qed jisħaq li din l-emenda se tagħti serħan il-moħħ u konfort legali għat-tobba u se tissalvagwardja l-ħajja u s-saħħa tal-omm.

Il-Prim Ministru Robert Abela indika diversi drabi li l-Gvern lest jiċċara t-terminoloġija iżda fl-istess ħin qal li l-ebda prinċipju mhu se jinbidel u r-referenza għas-saħħa tal-omm se tibqa' hemm.

Aqra wkoll:

More in Politika