Il-President Vella lest jirriżenja jekk tkun approvata l-emenda tal-abort kif proposta mill-Gvern

Skont rapporti, it-tħassib tal-President huwa dwar il-fatt li l-emendi se jkunu qed jippermettu t-tqala f'każ li s-saħħa tal-omm tkun f'riskju anke jekk dan mhux neċessarjament ifisser li tkun fil-periklu li titlef ħajjitha

Il-President George Vella jidher li qal lill-aktar nies qrib tiegħu li lest jirriżenja jekk il-Parlament japprova l-emendi dwar l-abort kif qed ikunu proposti mill-Gvern.

Skont The Times of Malta, il-President jidher li huma mħasseb dwar il-fatt li l-emenda se tippermetti l-abort f’każ li s-saħħa tal-mara tkun f’riskju, anke jekk dan ma jfissirx li tkun fil-periklu tal-mewt.

Dan huwa t-tħassib ukoll ta’ xejn inqas minn 80 espert minn oqsma varji li ngħaqdu f’position paper li permezz tagħha qed jappellaw lill-Gvern biex jassigura li l-ħajja tal-omm u anke tat-tarbija tkun protetta, billi l-liġi tkun aktar ċara u tagħti definizzjonijiet ċari.

Bħalissa, dwar dan l-abbozz għaddej it-tieni qari fil-Parlament, anke jekk jista’ jkun li jsiru aktar emendi fih fl-istadju tal-kumitat. Hu mifhum li l-Gvern irid li l-emendi jidħlu fis-seħħ qabel il-Parlament jieqaf għall-vaganzi tal-Milied.

Il-President Vella, li huwa wkoll tabib, dejjem kien ċar dwar l-abort. Ta’ min ifakkar li kien propju mal-gazzetta ILLUM, fl-ewwel intervista tiegħu bħala President, meta Vella kien qal li jekk quddiemu tiġi liġi dwar l-abort huwa lest li jirriżenja biex ma jkunx hu li jiffirma.

F’Mejju tas-sena li għaddiet, meta Marlene Farrugia, dak iż-żmien Deputata, kienet ippreżentat private member’s bill biex l-abort ikun dekriminalizzat, il-President kien tenna li huwa kontra l-abort mingħajr eċċezzjoni għax, fi kliemu jew se toqtol jew le, ma hemmx triq tan-nofs.

 Aqra wkoll: ‘Dawn l-emendi se jġibu s-serħan il-moħħ lil kulħadd inkluż dawk b’mard rari u mentali’ - Fearne

Jidher li l-uniku tħassib tal-President hija l-istrina u l-attivitajiet kollha marbuta magħha.

Jekk jirriżenja, Vella jkun l-ewwel President fl-istorja ta' Malta Repubblika li jkun għamel dan.

Ta' min ifakkar li meta f'lulju li għadda l-Parlament approva liġi li tippermetti li jsiru testijiet ġenetiċi fuq embrijuni tal-IVF, il-President Vella ma ffirmax il-liġi u din minflok ġiet iffirmata mill-Aġent President Frank Bezzina, li nħatar fil-kariga ftit jiem biss qabel.

Vella kien ikkritikat li ħarab mid-dmirijiet Kostituzzjonali tiegħu u għalhekk li skont l-istess rapporti, din id-darba lest li jirriżenja anke għax ma jkollux għażla oħra. F'każ li jsir hekk, il-liġi tkun tista' tiġi ffirmata mill-Aġent President jew inkella anke dan jista' jagħżel li l-liġi tkun iffirmata mill-President il-ġdid wara li jinħatar u jieħu l-ġurament.

It-terminu ta' George Vella bħala President ta' Malta jintemm f'April 2024.

President tar-Repubblika jinħatar bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Parlament.

Apparti l-Partit Nazzjonalista, diversi NGOs u anke l-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca qed jopponu l-emendi li ressaq il-Gvern u qed jaqblu mal-position paper tal-esperti.

More in Politika