‘Dawn l-emendi se jġibu s-serħan il-moħħ lil kulħadd inkluż dawk b’mard rari u mentali’

Karol Aquilina jgħid li persuna bi problemi ta' saħħa mentali għandha tingħata l-għajnuna u 'mhux tinqatel tarbija b'saħħitha' 

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li l-emenda fil-Kodiċi Kriminali - li permezz tagħhom it-tabib flimkien mal-omm jistgħu jitterminaw it-tqala, jekk ikun hemm każ ta’ kumplikazzjonijiet serji li jipperikolaw il-ħajja ta’ mara tqila - se joffru serħan il-moħħ lil kulħadd, “inkluż dawk b’mard fiżiku ordinarju u rari u anke dawk b’mard mentali.” 

Huwa saħaq li issa wasal iż-żmien li nieqfu niddistingwu bejn mard ordinajru u mard mentali. Fil-fatt qal li “kien hemm min xtaq li fil-Kodiċi Kriminali mal-kelma kundizzjoni tiżdied il-kema fiżika, iżda dan mhux aċċettabbli li nibqgħu nagħmlu din id-distinzjoni.” 

Dan qalu waqt sessjoni tal-plenarja fil-Parlament fid-dawl tat-tieni qari ta’ dawn l-istess emendi. Il-Ministru insista li din l-emenda mhix se tiftaħ tieqa għall-abort tant li hi favur il-ħajja. Fil-fatt huwa żied jgħid li dawn l-emendi “se jkompli jbegħdu l-possibilità li jidħol l-abort f’pajjiżna.” Dan attribwih għall-fatt li din l-emenda se tipprevjeni milli ssir xi traġedja oħra u li għaldaqstant twassal biex diversi parti mis-soċjeta ċivili tqajjem l-għajta għall-abort. 

“Spjegali ftit kif jista’ jkun li din tkun aċċettabbli?” staqsa il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina. Huwa qal li f'dawn is-sitwazzjonijiet għandna nagħmlu minn kollox biex nagħtu s-sostenn lill-omm “u mhux noqtlu t-tarbija b’saħħitha. Dan hu r-raġunament perikoluż. Allaħares kull min għandu problemi ta’ saħħa mentali jipperikola l-ħajja ta’ ħaddieħor." 

Aquilina qal li qiegħed jiskandalizza ruħu għax qal li d-deputat Prim Ministru" għandu l-valur tal-ħajja għal qalbu.Imbagħad iressaq liġi biex joqtol ħajja fil-ġuf.” 

Dan l-artiklu qed jiġi aġġornat. 

More in Politika